Il-pjan ta’ riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir li tħabbar il-ġimgħa l-oħra mill-Ministru għall-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali Ian Borg, ġie milqugħ mis-Sindki tal-ibliet u l-irħula li jmissu mal-Porti il-Kbir.
Dan il-pjan se jkun qed jiġġenera kull parti tal-port, hekk kif jinkludi disa’ żoni differenti.
Din il-viżjoni għal dan il-port tinkludi r-riġenerazzjoni tax-xatt tal-Marsa.
Dan hekk kif fl-art fejn qabel kien hemm il-powerstation tal-Marsa, se tissebbaħ.
Josef Azzopardi, is-Sindku tal-Marsa qalilna, “Fil-fatt meta tara d-dokument tara kif ħa jiġi rriġenerat ix-xatt tal-Marsa, viżjoni sabiħa ħafna, viżjoni illi ħa tibdel anke l-perspettiva tan-nies lejn il-lokal. Apparti hekk nilqa’ b’sodisfazzjon il-ħsieb tal-Gvern li qiegħed jistudja l-possibiltà li l-Port Reception Facility tmur il-barra minn xtutna.”
Is-Sindki tat-tlett ibliet laqgħu din ir-riġenerazzjoni, hekk kif din mistennija ttejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies li jgħixu fil-Kottonera.
Fil-Kottonerna se tikber il-koperazzjoni mal-privat fuq iż-żona tat-tarzna.
John Boxall, is-Sindku tal-Birgu stqarr: “Se tieħu ż-żmien biex issir għax proġetti kbar, però proġetti ta’ finanzjament kbir imma mal-bidu tiegħu se jibda jinħass. Se jibda jinħass għax kif spjega nerġa’ ngħid il-Ministru se jbiddel mhux il-mentalità, anki l-għajxien tan-nies anki l-ħajja kif qed jgħixu n-nies tal-Kottonera u tal-madwar.”
Clive Pulis, is-Sindku tal-Isla sostna: “Inkomplu niġġeneraw il-parti kbira tal-Port il-Kbir, kif ħabbar sewwa l-Ministru, il-Port il-Kbir ilu bi storja magħrufa jiġifieri u b’hekk inkunu qed nieħdu okkażjoni li fiż-żmien futuri naraw dan il-proġett iseħħ.”
Min-naħa tagħha, is-Sindku ta’ Bormla, Alison Zerafa Civelli tenniet: “Ħalli issa jkun qed jikkumplimenta wkoll il-kumplament tar-riġenerazzjoni li qed issir fil-belt ta’ Bormla u l-kumplament tal-Kottonera sabiex il-familji tagħna jkomplu jgħixu aħjar u ħajja aktar nadifa u sabiħa.”
Fil-Kalkara, fost ir-riġenerazzjoni pjanata hemm pjan għall-akbar forti f’pajjiżna, dak tal-Forti Rikażli.
Is-Sindku tal-Kalkara, Wayne Aquilina qalilna, “Nilqa’ din ir-riġenerazzjoni b’sodisfazzjon kbir, b’mod partikolari fir-raħal sabiħ tagħna tal-Kalkara. Aħna għandna żewġ proġetti għaddejjin bħalissa, ir-riġenerazzjoni tax-xatt kif ukoll ir-restawr u r-riġenerazzjoni tal-Forti Ricasoli.”