24 siegħa wara li Robert Abela ħa l-ġurament bħala l-14-il Prim Ministru ta’ pajjiżna opinjonisti li tkellmu ma’ ONE News esprimew diversi ħsibijiet dwar x’għandhom ikunu l-ewwel prioritajiet tal-Prim Ministru l-ġdid.
L-eks Ministru Nazzjonalista u opinjonista Michael Falzon sostna li l-ewwel prijorità ta’ Abela għandha tkun iffukata fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna barra minn xtutna.
Is-Sur Falzon stqarr: “Malta ħadet fama ħażina issa jekk hux raġuni jew le mhux se nidħol fil-mertu imma żgur li kien hemm fama ħażina minħabba li ġara u x-xogħol biex tirkupra lura isem Malta huwa diffiċli imma għandha tkun il-prijorità tal-PM il-ġdid.”
Il-Professur tal-ekonomija fl-Univeristà ta’ Malta Philip Von Brockdorff sostna li pajjiżna għandu jibqa’ jżomm mal-miri ekonomiċi tiegħu u li l-iżvilupp ta’ oqsma ekonomiċi ġodda.
Dr Von Brockdorff qal: “Il-miri ekonomiċi bħala l-att finanzjarji għandhom jinżammu perà mbagħad għandek l-aspett tat-tkabbir ekonomiku. għandha tkun prijorità tal-Gvern li ovvjament l-aspett soċjali għandu jkun ta’ priorità imma hemm bżonn inħarsu lejn is-setturi ekonomiċi preżenti u niżviluppaw setturi ġodda biex ma nibqgħux niddependu fuq is-setturi tradizzjonali.”
Von Brockdorff laqa’ wkoll l-ewwel deċiżjoni ta’ Robert Abela bħala Prim ministru li biha ħatar lil Clyde Caruana bħala l-Kap tas-Segretarjat tiegħu. Huwa sostna: “Clyde huwa persuna kompetenti ħafna il-fatt li huwa ekonomista dik se tgħinu żgur. Anki jien li nafu għal diversi snin biex janalizzaw il-policies tal-Gvern speċjalment l-aspett ekonomiku u l-aspett soċjali. filfatt hawnhekk huwa jgħallem dawk l-aspetti mill-att ta’ politika ekonomika u politika soċjali. Dan se jgħinu ħafna biex janalizza l-politika tal-Gvern mill-att ekonomiku u mill-att soċjali.”