Il-Police Officers Union tħoss li l-mod kif se titħallas is-sahra tal-Pulizija huwa ġust u kif suppost.
Dan intqal mill-Viċi President tal-Unjin, li tagħmel parti mill-General Workers’ Union, waqt intervista fuq il-programm Newspoint imxandar fuq l-istazzjonijiet ONE il-Ħamis.
F’din l-intervista l-Viċi President, Steve Spiteri, ikkonferma dak li ġie żvelat fil-midja ftit tal-jiem qabel; dak li kien isir fi snin passati.
Huwa nnota kif, qabel, il-Pulizija kienu jkunu mċaħħda minn dak dovut lilhom, fi ħlas ta’ sahra li jkunu ħadmu minħabba diversi attivitajiet li jkunu jirrikjedu preżenza akbar tal-Pulizija.
“Rigward il-pagament, fiż-żmien meta kien ikun hemm xi elezzjoni, l-espressjoni kienet ‘taħdimhom u meta titħallas imbagħad naraw’. Fil-fatt, ġieli għaddew sitt xhur, ġieli għaddew seba’ xhur, biex jitħallsu – dik kienet il-verità.”
Hawnhekk kien qiegħed jirreferi għal dak li kien isir fi żmien amministrazzjonijiet Nazzjonalisti, meta saħansitra kien hemm episodji fejn il-Pulizija ġew imġiegħla jaqtgħu qalbhom dwar ħlasijiet marbuta ma’ sahra.
Din is-sena kienet ikkareterizzata minn elezzjoni ġenerali u l-miġja tal-Papa Franġisku f’pajjiżna ftit tal-jiem wara, li t-tnejn irrikjedew infurzar b’saħħtu u sigurtà aktar mis-soltu mal-pajjiż.
Barra minn hekk, bl-avvenimenti li seħħew fl-aħħar xhur, uffiċjali tal-Pulizija ddaħħlu f’extra duties mhux biss f’postijiet marbuta mal-elezzjoni jew maż-żjara tal-Papa imma anki, fost l-oħrajn, fil-Grawnd Nazzjonali ta’ Ta’ Qali waqt logħob tal-futbol.
F’każijiet hekk il-post li jkun talab is-servizz tal-uffiċjali jħallashom, imma qabel il-Pulizija kienu jitħallsu biss wara li l-Korp ikun daħħal il-flus mingħand terzi li lilhom ikun ġie pprovdut is-servizz.
Intant, Spiteri żied jgħid li, aktar tard, imbagħad kien hemm sistema fejn wieħed ikun jaf meta kien ikun se jitħallas.
Iżda llum il-ġurnata, il-pagamenti joħorġu kif suppost u b’sistema apposta, kif jispjega l-Viċi President tal-Unjin.
“Illum, terġa’, ġejna aħjar. Illum, wara xahrejn, mhux l-overtime ta’ affarijiet kbar bħall-elezzjoni u l-miġja tal-Papa, anki inġenerali – jiġifieri supplementary normali, overtime, jew extra – għandek sistema li inti titħallas kull xahrejn. Illi inti l-Korp qiegħed jibagħtek fuq ix-xogħol, għalkemm huwa fuq mod żejjed, extra, u qed iħallsek il-Korp. Imbagħad il-Korp jiġbor il-flus mingħand l-individwu.”