Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali ilu bosta ġimgħat jiddiskuti mal-istakeholders prinċipali tal-industrija tal-bini u tal-kostruzzjoni wara li daħħal fis-seħħ ir-regolamenti l-ġodda bl-għan ewlieni illi jiġu ssalvagwardjati d-drittijiet tal-proprejtajiet ta’ terzi persuni li joqogħdu vicin siti ta’ kostruzzjoni.
Filwaqt li l-Ministeru kommess li jkompli jaħdem sabiex din l-industrija tkompli tikkontribwixxi favorevolment lejn l-ekonomija, l-istess Ministeru madankollu jrid li dan isir b’ħidma li tħaddan il-prinċipji ta’ sigurtà, responsabbilità u trasparenza.
Għalhekk, il-Ministeru jilqa’ l-irtirar tad-direttiva li kienet ħarget il-Kamra tal-Periti kontra din il-liġi u bi pjaċir jinnota li issa l-Kamra aċċetat din ir-riforma. Ir-riforma għandha għanijiet importanti.
Ma nistgħux nippermettu li x-xogħol li jsir fuq sit ta’ kostruzzjoni, b’mod partikolari dak ta’ skavar jew twaqqiegħ ikompli jsir mingħajr ma’ wieħed jiddikjara b’mod ċar u dettaljat il-mod ta’ kif tali xogħlijiet sejrin isiru. U għalhekk ġew introdotti kriterji li b’mod ċar jispjegaw eżattament dak li għandu jgħarraf method statement. Favur sistemi aktar trasparenti, b’din ir-riforma tali method statement huwa aċċessibli mill-pubbliku minn sistema tal-eapps tal-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk ġirien ta’ sit ta’ kostruzzjoni issa għandhom id-dritt u l-mod kif jaraw kif ser ikunu ser isiru x-xogħlijet u bl-istess mod għandhom id-dritt joġġezzjonaw jekk tali metodu ser iwassal biex id-drittijiet tagħhom jiġu kompromessi.
Kien ukoll importanti li din ir-riforma tikkjarifika r-responabbilitajiet ta’ min għandu x’jaqsam ma’ sit ta’ bini u kostruzzioni. Issa b’mod ċar il-liġi tgħid li kull sit għandu jkollu site technical officer li jsegwi x-xogħlijiet, liema uffiċjal irid jinħatar b’mod responsabbli mill-kuntrattur. Is-site technical officer għandu obbligu ċar li jaċċerta li x-xogħol fuq sit ikun qed isir skond il-method statement u għandu d-dritt iwaqqaf lill-kuntrattur f’każ li dan ma jkunx hekk. Biex kemm jista’ jkun din is-sistema taħdem b’mod trasparenti u biex il-proċess jiġi ffaċilitat, ser tkun qed issir ħidma biex il-lista ta’ professjonisti li huma kwalifikati biex jaġixxu ta’ site technical officers u jixtiequ jaqdu dan ir-rwol tkun ippubblikata. Naturalment jista’ dejjem isir arranġament biex il-perit tal-proġett jassumi dan l-irwol jekk iħossu komdu.
Madanakollu din ir-riforma qed tagħti ċ-ċans lill-inġiniera li jiggradwaw mill-MCAST jew mill-Università ta’ Malta, biex jaħdmu bħala site technical officers. U dan għaliex jidher biċ-ċar li dawn il-professjonisti u l-gvern jixtiequ jaħdmu biex ikomplu jissalvagwardjaw is-sigurtà ta’ terzi.
Sadattant, il-gvern huwa kommess sabiex fiż-żmien li ġej iħejji liġi ġdida li tkompli tiċċara l-obbligi tal-istakeholders li jinkludu sidien, periti, kuntratturi, sub kuntratturi u konsulenti, u health and safety officers fost l-oħrajn.
Il-gvern kommess ukoll li eventwalment dawk kollha li jagħtu servizz lill-industrija jkunu mhux biss f’reġistru iżda jkunu anke kkwalifikati. Dan għandu jwassal sabiex dawk li se jixtru servizz ikunu jafu x’qed jixtru iżda daqstant importanti, sabiex jkun assigurat titjib fil-kwalità tax-xogħol li finalment jissarraf f’industrija ta’ kwalità.