Id-difiża li qed tidher f’isem Andrew Mangion, akkużat bil-qtil tal-eks mara tiegħu Eleanor Mangion Walker f’Lulju li għadda, oġġezzjonat għall-fatt li l-klijent ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest.
L-avukat argumenta li l-akkużat ilu għaxar xhur arrestat u għaldaqstant m’hemm l-ebda riskju li jkun hemm tbagħbis ta’ provi. Mangion għadu qed jinżamm f’kustodja preventiva wara li f’Lulju li għadda kien akkużat b’omiċidju, li ħeba l-katavru tal-eks mara tiegħu u li nstab b’pussess personali ta’ kannabis.
It-Tlieta filgħodu, l-avukat difensur akkuża lill-avukat ġenerali talli oġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest għal raġunijiet fantażma.
L-avukat qal li l-Avukat Ġenerali ħoloq diversi allegazzjonijiet u tfigħ ta’ tajn lejn l-akkużat, u għalhekk reġa talab għall-ħelsien mill-arrest, deskritt bħala dritt fundamentali.
Min-naħa tagħha l-prosekuzzjoni qalet li l-akkużat mhux biss kien konxju ta’ li qed jagħmel iżda anke ppreparat ħafna għall-mod li bih wettaq id-delitt.