Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Avukat tal-Kap Nazzjonalista nnifsu u li jmur il-Qorti wara Bernard Grech, ħareġ kontra r-riforma fl-inkjesta maġisterjali, għax issa se jiġu aċċettati provi konkreti biex tinfetaħ tali inkjesta u mhux iżjed xi ħadd jista’ jitlobha fuq dak li sema’ mingħand xi ħadd, eżempju f’ħanut tax-xorb.
Edward Debono, li hu wkoll qrib ħafna ta’ Jason Azzopardi, mar fuq il-midja tal-Partit Nazzjonalista u qal kontra r-riforma li tgħolli l-grad tal-prova biex ma jkunx hemm abbuż mill-ġustizzja.
“Jiena kont f’bar ġor-Rabat, Għawdex, u smajt lil tizju qed jgħid li l-Ministru tqassam il-berths lil-Laburisti għall-esklużjoni tan-Nazzjonalisti jew ta’ kull min ipprova jitlob biex jieħu berth l-Imġarr jew ix-Xlendi u ta’ dan kellu jħallas. Dik illum jien ma nistax immur b’dik l-allegazzjoni quddiem il-maġistrat u nitolbu jinvestiga.”
Edward Debono, Avukat tal-Kap tal-PN
Debono ilmenta li issa ma tistax tiftaħ inkjesta maġisterjali fuq hearsay, jiġifieri fuq għajdut, iżda trid prova ammissibbli, jiġifieri prova bbażata fuq probabbiltà quddiem il-Qorti.
“Għax il-prova trid tkun ammissibbli u hearsay allura, skont il-liġi tagħna, mhuwiex ammissibbli.”
Edward Debono, Avukat tal-Kap tal-PN
Dan l-aġir urih ukoll fuq ix-xandir nazzjonali d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina meta kien qed jiddibatti mal-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, fejn qal li hu kontra li jogħla l-grad tal-prova biex tinfetaħ inkjesta.
ĠURNALIST: “Fuq id-domanda li jekk intom għandkomx problema li jkun prova ogħla, prova aktar ammissibbli meta jkun hemm allegazzjoni.”
KAROL AQUILINA: “Il-prova li hi meħtieġa biex tinfetaħ inkjesta maġisterjali, ma ngħidhiex jiena, imma tgħidha l-Qorti, hi l-prima facie, jiġifieri hi bejn il-possibbli u l-probabbli. Il-Ministru qed jipproponi li dak il-grad tal-prova togħla għal bilanċ ta’ probabbiltà.”
ĠURNALIST: “Ma taqblux intom?”
KAROL AQUILINA: “U żgur li ma naqblux.”
ĠURNALIST: “Imma għaliex?”
JONATHAN ATTARD: “Għax tridu sistema abbużiva.”
Ir-riforma fil-proċess tal-inkjesti maġisterjali mhu se ċċaħħad l-ebda dritt ta’ ċittadin li jiftaħ inkjesta quddiem maġistrat, anzi, bil-bidla, il-proċess se jkun elevat għal imħallef, li jiddeċiedi jekk tinfetaħx inkjesta maġisterjali abbażi ta’ provi ammissibbli fil-Qrati.
Provi li mhux ikunu bla ġurament u fuq x’qal ħaddieħor, fejn jingħata lok għal abbuż, iżda provi konkreti bbażati fuq probabbiltà u mhux possibbiltà.