Il-gideb ta’ Bernard Grech jidher li m’għandux limitu. Waqt li jilgħab ukoll bis-sentimenti tan-nies, il-Kap Nazzjonalista ttanta juri kemm għandu subgħu dritt biex ma jsirux attakki personali fuq politiċi ġejjin mill-kamp Laburista, iżda mill-ġdid reġa’ żelaq fin-niexef.
Fl-intervista fuq il-podcast ta’ Ricky Caruana fl-aħħar jiem, Grech ftaħar li kien ordna lill-midja Nazzjonalista biex meta jirrapportaw każ dwar it-tifel ta’ Helena Dalli, li kien ġie kkundannat il-ħabs fuq pussess ta’ droga li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu, ma jsemmux li kien jiġi mill-istess eks Kummissarju Ewropew.
“Jien ħriġt ordni biex fir-rapportaġġ tan-NET News, li riedu jirrapportawh il-każ li dan it-tali nstab ħati ta’ traffikar tad-droga, lanqas jissemma l-ġenitur. Tajjeb? Hekk hu l-mod kif issir il-politika, u hekk qed nagħmel il-politika.”
Bernard Grech, Kap tal-PN
Iżda żewġ artikli minn NET News juru kif dan ma kienx il-każ u Helena Dalli ssemmiet b’mod speċifiku fil-każ ta’ binha.
Artiklu fuq is-sit tal-midja uffiċjali Nazzjonalista nhar it-31 ta’ Mejju tal-2023 jgħid speċifikament hekk “Jean Marc Dalli. It-tifel iż-żgħir tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli, Jean-Marc, kien ġie kkundannat il-ħabs fl-2021”.
Sena wara, fl-24 ta’ Mejju 2024, artiklu tal-istess ġurnalist, Raymond Abdilla, qal li “Jean-Marc Dalli, iben iż-żgħir tal-Kummissarju Ewropew Helena Dalli, inħeles mill-ħabs għal kundanna ta’ droga”.
Dan ma kienx l-uniku tgħawwiġ tal-fatti minn Bernard Grech f’dan l-istess podcast, fejn, bħal diversi drabi oħrajn, inqabad jivvinta fatti minn żniedu tul il-programm kollu, inkluż fejn tidħol il-qrubija tiegħu mal-faxxa estremista u l-attakki fuq esponenti tal-Gvern.
Ivvinta wkoll dwar ir-riżultati elettorali li nkisbu taħt it-tmexxija tiegħu, kif rrapporta ONE News fl-aħħar jiem ukoll.
Fl-intervista ta’ inqas minn sagħtejn, hu anke sostna li l-popolazzjoni f’Malta żdiedet bi 30,000 u, imbagħad, b’40,000 f’sena waħda. Dan meta l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, qatt ma ħareġ ċifri ta’ dan it-tip.
Din bla ebda sorpriża, għax kien diġà nqabad jivvinta l-istatistika għalih innifsu, tant li d-Direttur Ġenerali tal-Istatistika ftit taż-żmien ilu kellu jikteb pubblikament numru ta’ drabi minħabba li l-Partit Nazzjonalista ma kienx qed jikkwota ċifri korretti.
Dan, fl-istess ħin, li Grech kien anke attakka fact checker tat-Times f’dan ir-rigward ukoll wara li dikjarazzjoni tiegħu li l-popolazzjoni kienet irdoppjat mill-2013 lil hawn kienet biss falza.