Persuna b’dizabilità kitbitilna, tiġbed l-attenzjoni dwar il-periklu kbir li temmen li jinsab fih il-bini antik minn fejn topera l-KNPD ġewwa l-Bugeia Institute f’Santa Venera. F’dan l-istess bini hemm xi Dipartimenti oħra tal-Gvern, fosthom tal-Anzjani.
Jumen ilu din il-persuna qalet li żaret dan il-bini. “Meta kont qed nipparkja l-karozza f’parkeġġ ħdejn il-bieb tal-entratura, xi ħadd ġibidli l-attenzjoni biex ma nħallix il-karozza hemmhekk għaliex kienet għadha kif waqgħet ġebla kbira mill-faċċata tal-bini”.
Żiedet tgħid li din mhix l-ewwel gebla li waqgħet xi ġebla mill-faċċata, ghaliex ftit passi ‘l bogħod hemm xi injam imdaħħal gol-art biex ma jħallux nies jgħaddu minn hemm.
“Jekk mhux se ssir xi ħaga urġenti mill-awtoritajiet, se sseħħ xi dizgrazzja, imma mbagħad ikun tard wisq” qalet din il-persuna kkonċernata.
Mitlub jikkumenta, Oliver Scicluna qal li meta ġie appuntat ċermen fil-KNPD, ħassejt mill-ewwel li l-bini minn fejn joperaw mhux adekwat għall-ħaddiema u għall-persuni li jmorru jinqdew minn hemm.
“Kumbinazzjoni, din il-ġebla inzertat waqgħet maġenb il-parkeġġ tal-karozza tiegħi” qal Scicluna. Qalilna li aktar kmieni din is-sena l-KNPD ħadet azzjoni billi għamlet tliet ‘impact assessments’ li minnhom irrizulta li fil-bini hemm ħafna ħsarat li ilhom hemm is-snin.
Scilcuna qal li l-KNPD qiegħda f’diskussjonijiet mal-Gvern, fejn fil-fatt ġew gwidati li għandu jinbeda l-proċess għall-ħrug ta’ tender biex jinstab post ġdid li ghandu jkun ċentrali, b’parti sostanzjali mill-‘area’ tiegħu fis-sular ta’ isfel u b’numru ta’ parkeġġi riservati fil-qrib.