Numru ta’ akkademiċi kitbu ittra lill-Prim Ministru ta’ Malta, Joseph Muscat, biex iħalli Malta numru ta’ immigranti li ma jikkwalifikawx għall-ażil. Din il-kwistjoni qamet fl-aħħar ġimgħat meta numru ta’ immigranti nġabru sakemm tiġi f’Malta delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea biex tanalizza s-sitwazzjoni tagħhom. Dan bħala parti minn sistema ta’ ritorn minn madwar l-Ewropa għal min ma jkunx kwalifika għal stat ta’ refuġjat.
Il-155 akkademiku li ffirmaw l-ittra qalu li d-deċiżjoni li l-immigranti jkunu deportati tħalli effett negattiv fuqhom u anke fuq is-soċjetà Maltija. Fi kliemhom dan għax ilhom jgħixu Malta għal diversi snin u għalhekk saru parti mill-komunità. Qalu li hemm implikazzjonijiet etiċi u soċjali u jekk ikunu deportati tkun imminata d-diversità.
L-ittra ntbagħtet ukoll lill-Ministru għall-Intern Carmelo Abela.
Fl-aħħar ġimgħat il-Ministru Abela spjega kemm-il darba li l-intenzjoni tal-Gvern Malti hija li jieħu sehem fi skema mħaddma mill-Unjoni Ewropea li biex titħaddem l-Unjoni Ewropea ffirmat ftehimiet ta’ ritorn.
Il-Ministru Abela żied ukoll li l-Unjoni Ewropea hija responsabbli li l-immigranti li jintbagħtu lura għax ma jkunux kwalifikaw għal stat ta’ refuġjat ikollhom id-drittijiet tal-bniedem tagħhom salvagwardjati.