L-Isqfijiet għamlu appell kontra l-ewtanasja lid-deputati tal-Parlament.
Dan f’ittra mibgħuta fl-aħħar jiem wara li d-deputati semgħu appell ta’ Malti li jrid l-ewtanasja fi stadju ta’ kumitat. Kif mistenni l-isqfijiet tkellmu dwar il-ħtieġa li dejjem tkun salvagwardjata l-ħajja tal-bniedem.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof t’Għawdex, Mario Grech qalu lill-membri parlamentari li kull att li jtemm il-ħajja jew jaċċellera l-mewt għandu jibqa’ llegali.
L-Isqfijiet qalu li għalkemm jifhmu t-tbatijiet ta’ dawk li huma morda b’mod terminali u ta’ qrabathom, att bħal ewtanasja m’hux mistoqsija ta’ liberta’ ta’ għażla.
Sostnew li l-għan tal-liġi huwa li tipprovdi ħarsien lil kull ħajja umana, partikolarment meta żvantaġġjata u vulnerabbli u mhux li tiffaċilita’ u tippromovi t-tmiem tal-ħajja. Huma argumentaw li kull soċjetà li dgħajjef il-projbizzjoni legali ta’ qtil intenzjonali tal-bniedem tkun qed tkisser il-fibra morali u soċjali tagħha. L-isqfijiet, sostnew li soċjetà moderna mistennija li tirrispondi bi strutturi sodi u sensittivi li jipprovdu inkoraġġiment biex ħadd ma jkun emarġinat jew jitqies bħala piż fuq ħaddieħor. Qalu li s-soċjetà għandha tirrispondi billi ssaħħaħ il-kura paljattiva u tkompli twessa’ s-servizzi bla ħlas għall-pazjenti.
F’Malta, l-ewtanasja hija llegali iżda tnax fil-mija tat-tobba mistħarrġa riċentament qalu li rċivew talbiet għall-suwiċidju assistit mingħand il-pazjenti tagħhom minħabba mard, disabilita’ jew tbatija severa.