Dan l-aħħar, 45 student kisbu ċ-Ċertifikat fil-Qari tal-Provi bil-Malti mill-Università ta’ Malta u x-Xhieda ta’ Għarfien (warrant) bħala qarrejja tal-provi tal-Malti mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, wara li temmew b’suċċess l-għaxar kors f’Malta u t-tieni kors f’Għawdex.
Dan il-kors ta’ Livell 5 (MQF) hu mfittex ħafna minn dawk li jużaw il-Malti f’xogħolhom u fil-pubblikazzjonijiet, bħalma huma l-impjegati tas-settur pubbliku u privat, il-ħaddiema tal-kunsilli lokali u l-parroċċi, dawk li jaħdmu mal-pubblikaturi, ix-xandara u l-ġurnalisti (gazzetti, internet u televiżjoni), l-għalliema u s-segretarji tal-iskejjel, l-uffiċjali tal-komunikazzjoni, it-tradutturi, u kull min jixtieq iħossu aktar kunfidenti fil-kitba bil-Malti.
Il-kors jinkludi taħriġ prattiku fl-ortografija tal-Malti permezz ta’ siltiet ta’ ġeneri differenti, kif ukoll prattika fil-korrezzjoni tal-Malti bil-kompjuter. Jinkludi wkoll taħriġ fil-punteġġjatura u l-preżentazzjoni ta’ pubblikazzjoni, u tagħrif mill-aktar interessanti fuq l-istorja tal-lingwa, fost l-oħrajn. Fuq kollox, joffri l-opportunità lill-parteċipanti li jiddiskutu u jifhmu aħjar ir-regoli uffiċjali tal-kitba tal-Malti. B’kollox, mill-2006 meta fetaħ il-kors, ikkwalifikaw b’suċċess 395 qarrej tal-provi.
It-tnax-il kors se jibda x-xahar id-dieħel f’Malta. L-istess kors qed ikun offrut mill-ġdid fiċ-Ċentru Universitarju ta’ Għawdex, ix-Xewkija, u jiftaħ jekk jintlaħaq in-numru minimu ta’ applikanti eliġibbli. Għalhekk, l-Għawdxin huma mħeġġa jaħtfu din l-opportunità biex ikunu jistgħu jsegwu l-kors f’Għawdex stess.
L-applikazzjonijiet għall-Kors fil-Qari tal-Provi bil-Malti, organizzat mid-Dipartiment tal-Malti fl-Università bi sħab mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, bħalissa huma miftuħin u jibqgħu jintlaqgħu sat-13 ta’ Jannar mis-sit tal-Università: www.um.edu.mt/apply. Għal tagħrif ieħor fuq il-kors u fuq l-applikazzjoni, ara: www.um.edu.mt/arts/malti/avvizi/cqp jew ikteb fl-indirizz: provi-malti.arts@um.edu.mt