Il-Gvern qed jikkunsidra li jerġa’ jdaħħal il-Kartuna r-Roża għal dawk li jbatu mid-dijabete.
Meta wieġeb lill-membri parlamentari Anthony Agius Decelis u Silvio Parnis, il-Ministru Michael Farrugia qal li għadha ma tteħditx deċiżjoni finali dwar din il-kwistjoni li każijiet ġodda ta’ dijabete ma jingħatawx il-Kartuna r-Roża.
Kien il-Gvern Nazzjonalista li ħa din id-deċiżjoni fl-2012 u persuni li qed imorru jġeddu l-kartuna r-Roża qed jgħidulhom li ma tistax tiġġedded.
Il-Ministru spjega li l-Kartuna r-Roża hi ‘means tested’ u għalhekk marbuta ma’ dħul u assi. Hawn min jinbidlulu ċirkostanzi tal-assi fi proprjetajiet u flus il-bank u meta dawn jinbidlu ma jibqax intitolat. Qabel wieħed kien jippreżenta ċertifikat u kien imur id-dipartimenti u dawn kienu jkunu intitolati għall-Kartuna r-Roża.
Taħt il-Gvern preċedenti, kien ġie deċiż li każijiet antiki jingħataw imma każijiet ġodda, għalkemm jingħataw il-mediċini, ma jingħatawx il-Kartuna r-Roża.