Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil illum fetaħ attakk fuq il-ħafna familji li għandhom xi nuqqasijiet fil-propretajiet tagħhom, filwaqt li baqa’ jiddefendi lill-operaturi l-kbar li qed iniġġsu l-ibħra tagħna.
Hekk irreaġixxa l-Partit Laburista wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni kiser is-silenzju dwar l-iskema ta’ regolarizazzjoni tal-bini: wiegħda elettorali li l-familji Maltin u Għawdxin ivvutaw għaliha u kienu tant qed jistennew. Il-Partit Laburista qal li hawn familji li kien ilhom żmien twil jaffaċċjaw problemi minħabba rregolaritajiet fil-propjetajiet tagħhom.
Minħabba dawn l-irregolaritajiet, ħafna drabi zgħar, dawn il-persuni ma jistgħux ibiegħu l-propjeta’ tagħhom, ma jistgħux jużaw l-istess propjeta’ bħala garanzija għaliex il-banek ma jaċċettawhiex u min jixtieq jixtri l-istess propjeta’ ma jistax għax ma jingħatax self.
Il-Partit Laburista fakkar li jekk dak li jkun qed jipprova jiġi rregolarizzat ikun xi sfreġju għall-ambjent, jew ikun f’żona fejn mhux permess żvilupp (ODZ) il-permess ma jingħatax.
Bil-pożizzjoni kontra l-iskema ta’ regolarizzazzjoni, Simon Busuttil qed ikompli jikkonferma kemm huwa politiku tal-elite maqtugħ mir-realtajiet tal-familji Maltin u l-Għawdxin, jattakka liż-żgħir filwaqt illi jaqbeż għall-operaturi l-kbar.
Wieħed jista’ jobsor għalfejn Busuttil u l-partit tiegħu ħadu din il-pożizzjoni.