Id-Deputat Nazzjonalista Għawdxi Joe Ellis qed jiggwadanja finanzjarjament mill-proġetti infrastrutturali li għaddejjin bħalissa fil-gżira Għawdxija.
Dan hekk kif Joe Ellis huwa d-direttur u shareholder tal-kumpanija Gozo Concrete Products li qed tissupplixxi materjali, speċjalment il-briks biex jinbnew mill-ġdid dawn it-toroq, fi proġett li qed isir b’investiment mill-Gvern ta’ tlettax-il miljun ewro.
Dawn id-dettalji żvelathom il-gazzetta KullĦadd, li nnutat li mbagħad fil-Parlament, Joe Ellis jikkritika dawn il-proġetti.
Il-gazzetta qalet li l-kumpanija ta’ Ellis mhux imniżżla bħala kuntrattur u lanqas sub-contractor tal-proġett u b’hekk il-provvista ta’ materjali qed issir bil-moħbi.
Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-kumpanija ta’ Ellis qed tissupplixxi l-briks lill-kuntrattur ewlieni, li kien dan tal-aħħar li rebaħ is-sejħa għall-offerti fil-proġett.
Huwa mifhum li l-kumpanija ta’ Ellis għandha dejn ma’ diversi kuntratturi Għawdxin u qed taqta’ l-kontijiet tagħha billi tpartat b’materjali li tipproduċi, inkluż il-briks.
Skont is-sorsi tal-KullĦadd, il-kumpanija ta’ Ellis tat ħamsin elf briksa, b’valur ta’ ħamsin elf ewro bil-bini ta’ dawn iż-żewġ toroq arterjali fil-limiti t’Għajnsielem u n-Nadur.
Il-KullĦadd qalet kif dan ifisser li minħabba dawn l-interessi finanzjarji u kummerċjali tiegħu, Ellis qed juża s-siġġu Parlamentari biex jistaqsi, jattakka u possibiliment jinfluwenza l-andament tal-proġett.
Dan huwa ksur ta’ etika sfaċċat, li jqanqal id-dubji jekk it-tali privileġġ Parlamentari hux jintuża wkoll biex issir pressjoni fuq kuntratturi oħrajn Għawdxin ħalli jużaw il-materjali tal-kumpanija.
Il-gazzetta KullĦadd innutat kif fi żmien Gvern Nazzjonalista, din il-kumpanija kienet ingħatat art kbira tal-Gvern bi prezz baxx biex timmanifattura l-materjali tal-kostruzzjoni.