Illum fil-Parlament jiltaqgħu b’mod konġunt il-kumitat għall-affarijiet soċjali, il-kumitat dwar is-saħħa u dak dwar affarijiet li jirrigwardjaw il-familja. Dawn se jiddiskutu l-aċċess għall-kontraċettiv ta’ emerġenza, jew aħjar il-morning after pill.
Fl-aħħar xhur f’pajjiżna qam dibattitu dwar jekk dawn il-mediċini għandhomx ikunu importati, wara li grupp favur id-drittijeit tan-nisa ressaq protest ġudizzjarju u sejjaħ lill-awtoritajiet tal-pajjiż jippermettu l-importazzjoni ta’ pilloli bġal ellaOne u Levonelle.
one.com.mt kien tkellem mal-Professur Anthony Scerracino Inglott, ic-Chairperson tal-Awtorit Maltija tal-Mediċini, wara li sirna nafu li l-Awtorità irċiviet applikazzjoni mingħand importatur biex tibda timporta lejn pajjiżna ditta ta’ morning after pill.
Il-Professur Scerracino Inglott stqarr magħna li l-importatur ingħata l-parir li jkun prudenti u jistenna li l-Parlament u l-kumitati tagħha jieħu deċiżjoni dwar il-pożizzjoni tal-Istat – ċioe jistenna dak li se jkun diskuss għall-aħħar darba illum.
https://www.youtube.com/watch?v=E3_IfMcxZqM
Id-dibattitu kien animat. Esperti spejgaw li diġà jkunu preskritti mediċini li għandhom l-istess effett ta’ kontraċettiv ta’ emerġenza, jew f’kelma oħra l-morning after pill. Il-Professur Pierre Mallia, meqjus bħala espert fl-etika, qal li hu għandu problema morali bil-‘coil’ li huwa kontraċettiv għal mara li f’pajjiżna jintuża regolarment. Mistoqsi jekk għandux problema bil-Morning After Pill fisser li jekk il-mara tmur għandu kmieni, qabel ikun hemm l-ovulazzjoni, ikun lesti li joffriha.
Il-Kunsill Nazzjonali tan-Nisa ma jaqbilx. Anzi, ħareġ kontra l-morning after pill u qal li ħafna mill-argumenti li qed jinġiebu favur din il-pillola ta’ kontraċezzjoni b’emerġenza qed jagħtu informazzjoni ħażina. Jemmnu li l-pillola għandha potenzjal li tabortixxi, b’rabta mal-possibiltà li l-morning after pill twaqqaf l-impjantazzjoni ta’ bajda fertilizzata fl-utru.
U fi stqarrija mirquma bi kliem sabiħ dwar id-drittijiet tal-mara l-isqfijiet iddikjaraw li huma kontra li f’pajjiżna tkun legalizzata l-morning after pill.
Differenti ferm minn dak li stqarret il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, ċioe li n-nuqqas ta’ aċċess għall-morning after pill twassal għad-diskriminazzjoni għax iċċaħħad lin-nisa milli jeżerċitaw iżjed kontroll fuq ħajjtihom.
Permezz ta’ editorjal fil-Malta Medical Journal, maħruġ mill-iskola medika fi ħdan l-Università ta’ Malta, il-Professur Victor Grech qal li l-kwistjoni hija każ ta’ ħafna għaġeb għalxejn, għaliex il-verità hi li l-Morning After Pill mhix pillola abortiva.
Waħda minn nisa li għamlet użu mill-morning after pill tkellmet magħna dwar l-esperjenza tagħha.
Id-dibattitu se jkompli fil-Parlament, fis-sebgħa ta’ llejla.