- Elevati 31,860 sigarett tal-kuntrabandu;
- Il-vann Peugeot Partner konfiskat mid-Dwana;
- Se jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin;
- Spezzjonijiet oħra f’diversi nħawi jwasslu għal qabda totali ta’ 47,160 sigarett tal-kuntrabandu, 130 litru inbid u diversi basktijiet tal-plastik
Distributur mis-Swieqi ġie interċettat jissupplixxi s-sigaretti f’garaxx f’San Gwann T’Għuxa, Bormla wara sigħat twal ta’ osservazzjoni mid-Dipartiment tad-Dwana. Instab li fil-vann tiegħu, Peugeot Partner, kellhu 31,000 sigarett tal-kuntrabandu. Is-sigaretti u l-vann ġew konfiskati mid-Dwana. It-tfittxija intensifikat fir-residenza tiegħu minn fejn ġew elevati 860 sigaretti oħra tal-kuntrabandu. Dan id-distributur huwa mistenni li jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.
Intant, għand sid il-garaxx f’San Gwann T’Għuxa, liema individwu huwa residenti Bormla, instabu 5,000 sigarett tal-kuntrabandu. Jirriżulta, minn rapporti li waslu għand id-Dwana mill-pubbliku, li mill-istess garaxx kien isir bejgħ regolari ta’ dawn is-sigaretti.
Sadanittant, fil-jiem li għaddew id-Dwana sabet dawn l-ammonti ta’ sigaretti tal-kuntrabandu:
- 6,600 ġew interċettati fl-ajruport qabel tentattiv biex jiddaħħlu fil-pajjiż;
- 1,080 ġew elevati minn ħanut tal-merċa f’Ħaż-Żabbar;
- 1,320 ġew elevati minn stationery f’Tal-Pieta’;
- 660 ġew elevati minn confectionery f’San Ġiljan;
- 580 ġew elevati minn ħanut tal-merċa fl-Imsida; u
- 60 ġew elevati minn ħanut tax-xorb f’Ħaż-Żebbuġ.
Is-sigaretti tal-kuntrabandu li nqabdu fis-suq kienu tal-marka Business Royals, American Legend, Marlboro Red, Richman Red, Tradition Gold Oris Super Slims, Burton, Camel Yellow, L&M Red u L&M Blue.
Ġew elevati wkoll mis-suq 130 litru inbid li ma kienitx tħallset taxxa tas-Sisa fuqu, u li instabu f’żewġ stabbilimenti differenti f’San Gwann u Ħal-Luqa, kif ukoll kwantita imdaqqsa ta’ basktijiet tal-plastik li fuqhom ma kienitx tħallset it-taxxa tas-sisa li instabu għand erba’ bejjiegħa tal-monti fis-suq ta’ Marsaxlokk..
Id-Dipartiment tad-Dwana għal darba oħra jtenni li l-kuntrabandu huwa reat kriminali serju ħafna li, f’każ ta’ ħtija quddiem il-Qorti, iġorr miegħu penali fiskali ħorox, konfiska tal-mezz tal-ġarr, konfiska tal-mezz tal-ħażna u, saħansitra, anki kkunsidrata piena karċerarja. Ikompli jappella għall-għajnuna tal-pubbliku billi jċempel b’mod anonimu fuq 2568 5124 jew 2568 5200.