Jumejn wara li l-gazzetta KullĦadd żvelat li kien hemm erba’ riżenji fl-MŻPN, l-istorja ġiet ikkonfermata min ħadd ħlief l-eks President innifisha, Miriana Testaferrata de Noto.
F’kitba fuq il-midja soċjali, Testaferrata de Noto kkonfermat li rriżenjat minn President tal-MŻPN u użat l-iskuża tar-riżenja għax hi kandidata tal-Partit Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew f’Ġunju li ġej.
Waqt li qalet li l-istorja li żvelat il-gazzetta KullĦadd hi gidba, ikkonfermat ukoll l-istess rapport u qalet li issa Thomas De Martino laħaq President tal-Moviment Żgħażagħ Nazzjonalisti.
Din l-aħbar ġiet ikkonfermata f’kitba fuq il-midja soċjali tal-MŻPN, fejn intqal li Viċi Presidenti se jkunu Jean Paul Barbara u Fredrick Aquilina, waqt li Segretarju Ġenerali se tkun Nicole Portelli – kollha mill-fazzjoni tal-eks Kap Adrian Delia, kif żvelat il-KullĦadd.
Il-gazzetta tal-Partit Laburista żvelat kif rewwixta minn tal-fazzjoni ta’ Delia, f’laqgħa riċenti tal-MŻPN, wasslet għar-riżenja ta’ erba’ membri minn tal-fazzjoni tal-Kap u l-establishment Nazzjonalista.
Dawn huma l-President Miriana Testaferrata de Noto, il-Viċi President Kevin Curmi u l-membri Alexander Jacobsen u Miirko Sant, ilkoll qrib Bernard Grech.
Għat-tlieta tal-aħħar mhemm l-ebda referenza għalihom mill-MŻPN it-Tlieta waranofsinhar, u ssemmiet biss ir-riżenja ta’ Testaferrata de Noto.
Dawn ir-riżenji jfissru li l-fazzjoni ta’ Grech u l-establishment tilfet minn idejha l-kontroll tal-fergħa taż-żgħażagħ u issa dan għadda għand dawk li pubblikament jiddikjaraw il-lealtà tagħhom lejn l-eks Kap li tqaċċat minn postu tliet snin ilu.
Dawk li issa jinsabu fil-kmand tal-MŻPN, fil-fatt, kienu dawk li ħolqu l-għaqda Team Start, bl-appoġġ tas-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista ta’ dak iż-żmien, Clyde Puli, fi żmien li l-fergħa uffiċjali Nazzjonalista rribellat ukoll pubblikament kontra Delia.
AQRA AKTAR: