Manfred Galdes irriżenja minn Direttur tal-FIAU biex jissieħeb mad-ditta legali, Fenech Farrugia Fiott Legal. Dan ikkonfermah Manfred Galdes innifsu mal-Maltatoday, fejn qiegħed ikun ikkwotat jgħid li rriżenja biex jieħu post mas-settur privat.
Li se jkun sieħeb f’din id-ditta legali kkonfermah ukoll Tonio Fenech (mhux l-eks Ministru) li qal li Galdes ingħaqad magħhom minn Settembru li ġej. Hu se jkun qed imexxi wkoll il-grupp ARQ li għandu sezzjoni li tispeċċjalizza fl- investigazzjonijiet ta’ ħasil ta’ flus.
Il-Financial Intelligence and Anylsis Unit, li kiem imexxi Galdes, hija responsabbli minn investigazzjonijiet b’rabta ma’ ħasil ta’ flus u evażjoni ta’ taxxa fost oħrajn.
Tant li l-Maltatoday tgħid li l-impjieg immedjat ta’ Galdes f’dan is-settur iqajjem il-mistoqsija dwar kemm kien etiku li ngħaqad ma’ kumpanija li suppost kien qed isegwi f’xogħlu minħabba s-servizzi li toffri.
Intant, il-Partit Nazzjonalista ipprova jieħu kapital politiku minn din ir-riżenja. Intqal li din kienet qed issir b’rabta ma’ xi investigazzjoni tal-Panama papers, u fost allegazzjonijiet li ma kienux ipprovati, talbu li jkunu ippubblikati dokumenti. Xi ħaġa li l-liġi qatt ma tippermeti minħabba s-sensittività ta’ dan l-uffiċċju.
B’reazzjoni għall-kummenti tal-Oppożizzjoni b’rabta ma’ din ir-riżenja, kien hemm dikjarazzjonijiet iebsa minn naħa tal-Gvern, li nnota kif Simon Busuttil jipprova jimmina aġenzija kruċjali għas-settur finanzjajru ta’ pajjiżna.