Il-Kordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali kkonferma li l-Partit Nazzjonalista qed iwarrab u saħansitra jemarġina l-Fergħa Opportunijiet Indaqs – fergħa li waqqaf huwa stess.
Dan għamlu waqt konferenza tal-aħbarijiet fid-Dar Ċentrali, fejn ONE News staqsa dwar id-dikjarazzjonijiet tal-President tal-Fergħa Opportunitajiet Indaqs tal-Partit Nazzjonalista Jamie Vella b’rabta mad-dikjarazzjonijiet tad-Deputat Julie Zahra dwar il-festival ŻiguŻajg.
Ftit tal-jiem ilu, Zahra ħarġet tattakka liż-ŻiguŻajg, festival internazzjonali tal-arti għat-tfal u ż-żgħażagħ, għal inizjattiva maħsuba biex, permezz tal-arti u l-kreattività, tippromwovi l-inklussività u l-apprezzament tad-diversità.
Filwaqt li għaqdiet differenti, għalliema, u anke l-komunitá LGBTIQ esprimew l-għadab tagħhom għal dan, Jamie Vella bħala l-President ta’ fergħa tal-Partit Nazzjonalista, ċanfar lil Zahra talli lanqas biss indenjat ruħha titkellem ma’ dan il-forum tal-Partit Nazzjonalista stess qabel ma għamlet l-istqarrijiet li għamlet.
Vella saħansitra kiteb b’mod li jixhed kif fil-Partit Nazzjonalista ma hemmx teamwork u ta ’l wieħed x’jifhem li l-forum li jmexxi huwa frustrat għax qed jiġi emarġinat mill-Partit Nazzjonalista.
ONE News staqsa proprju dwar dan lil Charles Bonello, il-kordinatur tal-Partit Nazzjonalista għall-Kunsilli Lokali, li huwa wkoll President ta’ fergħa tal-PN.
Huwa kien pront ixejjen id-dikjarazzjonijiet ta’ Vella, hekk kif qal li d-deputati tal-Partit Nazzjonalista jitkellmu miegħu.
Charles Bonello: “Jiena President ukoll ta’ fergħa, u d-deputati kollha jitkellmu magħna.”
Din id-dikjarazzjoni tkompli tikkonferma kemm il-Partit Nazzjonalista waqqaf il-Fergħa Opportunitajiet Indaqs biss sabiex jipprova jikseb ftit kredibbiltà fil-qasam tal-ugwaljanza u mhux għax veru jimpurtah minnhu.
Intant, ONE News, it-Tnejn filgħaxija staqsa lil Julie Zahra dwar id-dikjarazzjonijiet li għamlet, b’din tal-aħħar ma jkollha l-ebda apoloġija x’tagħmel, għall-kummenti tagħha meqjusa insensittivi minn bosta.
Dan filwaqt li ma esprimiet l-ebda rimors.
Ġurnalist: “Għamilt kummenti kemxejn insensittivi lejn il-komunità LGBTIQ. Titlob apoloġija għal dak li għedt?”
Zahra: “Dak x’qed tgħidu intom. Naħseb li għidt jiena kien ċar.”