Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Partit Laburista żiedu l-fiduċja mal-elettorat. Dan skont stħarriġ tal-Maltatoday ippubblikat il-Ħadd filgħodu.
Id-distakk fil-fiduċja bejn iż-żewġ mexxejja issa tela’ għal 11.6%, dejjem favur il-Prim Ministru Robert Abela, li żied 3% mqabbel mal-aħħar stħarriġ. Il-Kap tal-Oppożizzjoni naqqas 0.6%.
B’rabta mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, dan l-istħarriġ kompla juri kif Grech huwa inqas popolari mill-Partit Nazzjonalista bi tliet punti perċentwali. Il-Prim Ministru igawdi minn fiduċja ogħla mill-Kap Nazzjonalista fost in-nisa u l-irġiel, u fost kull faxxa ta’ età.
F’dak li għandu x’jaqsam reġjuni, il-Prim Ministru jgawdi aktar fiduċja mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista f’kull reġjun, eskluż wieħed.
Dan l-istħarriġ juri wkoll tnaqqis fin-numru ta’ nies li ma għandhomx fiduċja fiż-żewġ mexxejja b’dawk li din id-darba esprimew fiduċja mxew lejn Abela. Fost dawk li sal-lum ma jridux jivvutaw, il-Prim Ministru Robert Abela ukoll igawdi iktar fiduċja minn Bernard Grech b’differenza favurih ta’ madwar 8%.
Intant, il-Partit Laburista wkoll ra żieda fil-fiduċja meta mqabbel ma’ Frar li għadda biex b’hekk illum qed igawdi minn fiduċja ta’ 33.1%. Dan b’kuntrast mal-Partit Nazzjonalista li jgawdi fiduċja ta’ 28.7%.