Skont il-kap tal-pulizija, Stephen Lo, il-jum li fih iċ-Ċina ċċelebrat is-70 anniversarju minn mindu Mao Zedong ħabbar it-twaqqif tar-Reppubblika tal-Poplu Ċiniż, kien l-aktar wieħed vjolenti u koatiku f’Hong Kong.
Il-pulizija sparaw tiri biex jikkalmaw is-sitwazzjoni, fejn laqtu dimostrant ta’ 18-il sena. Il-protesti komplew jintensifikaw, hekk kif diversi dimostranti kienu armati b’bombi tal-petrol. Waqt il-protesti li saru lbieraħ f’diversi partijiet ta’ Hong Kong ġew arrestati 180 persuna filwaqt li 104 oħra ttieħdu l-isptar. Lo qal li 25 uffiċjal tal-pulizija sfaw midruba.
L-1 ta’ Ottubru dejjem iwassal għal protesti, madanakollu, din is-sena, il-poplu ta’ Hong Kong ilu erba’ xhur għaddej bil-protesti. Dawn ġew imqanqla minn proposti għall-estradizzjoni fiċ-Ċina u minkejja li l-bidliet ma għadhomx fis-seħħ, it-tensjoni baqgħet għaddejja bl-għajta issa tkun għal demokrazija aħjar.