L-establishment Nazzjonalista kompla jitfa’ l-pressjoni fuq Bernard Grech. Dan permezz ta’ artiklu mill-eks Chief of Staff ta’ Austin Gatt, Manuel Delia. Dan kiteb b’reazzjoni għall-fatt li Bernard Grech ikkonferma li Adrian Delia diġà ġie kkonfermat bħala kandidat Nazzjonalista fuq distrett wieħed.
Wara li ONE News kien staqsa lil Bernard Grech dwar il-kandidatura ta’ Adrian Delia, reġgħu għollew rashom dawk li tant ħadmu biex qalftu lil Delia ’l barra mit-tmexxija u issa qed jgħidu kif hija illoġika li Grech issa qed japprova l-kandidatura ta’ Adrian Delia.
Meta kien mistoqsi: “Dr Adrian Delia ġie approvat?”
Bernard Grech wieġeb: “Dr Adrian Delia wkoll diġà approvat fuq l-ewwel distrett. Qed jistenna t-tieni distrett. Kieku għandi problema bih ma ġiex approvat.”
Skont l-esponent ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, Manuel Delia, Bernard Grech qal hekk biss għaliex ma setax jgħid dak li vera jħoss. Qal illi fil-verità Bernard Grech ried jgħid li m’għandu l-ebda saħħa biex iwaqqfu milli jikkontesta u li allura issa jinsab jittama li n-nies ma jivvutawx għal Adrian Delia.
Manuel Delia, li huwa magħruf kif bil-blog tiegħu qed ikun leħen id-deputati tal-establishment Nazzjonalista, tenna kif jittama li Bernard Grech, li jaspira li jsir Prim Ministru, jaf jaqra iżjed il-karattru u mhux jaħseb li Adrian Delia huwa kandidat tajjeb.
Dak li lil Grech kien heddu li jekk jgħaffiġha jitfgħuh ’il barra u jlaħħqu lil xi ħaddieħor floku, temm l-artiklu tiegħu billi kompla jagħfas l-ingassa ma’ għonq Bernard Grech u qallu kif issa ma jistax ineħħi deputati eżistenti kif kien qal. Qallu li dan għaliex inkella jkun ifisser li dawn fallew test li Adrian Delia għadda minnu.