Il-Ġimgħa filgħaxija, itellgħat it-tieni edizzjoni tas-serata MARA, fejn ġew ippremjati 14-il mara li spikkaw f’oqsma differenti tas-soċjetà. Din is-serata serviet biex jintwerew stejjer ta’ suċċess li jservu ta’ eżempju għal diversi nisa.
Fost ir-rebbieħa tal-unuri li ngħataw minn mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, kien hemm is-Segretarju Eżekuttiv tal-ALS Maria Formosa li rebħet il-People’s Choice Award bil-vot tal-pubbliku.
Isabelle Bonnici, ingħatat The Remarkable Woman Award filwaqt li Nancy Scerri, li ilha taħdem mal-Caritas Malta għal dawn l-aħħar 35 sena, ingħatat The Lifetime Achievemnt Award.
Fid-diskors tagħha, Dr Lydia Abela saħqet li din iċ-ċelebrazzjoni ta’ talent u dedikazzjoni f’oqsma differenti hija prova ċara ta’ kemm għandna nkunu kburin bin-nisa Maltin u Għawdxin.
Hija kompliet tgħid li fiċ-ċokon ta’ pajjiżna, komplejna b’determinazzjoni biex in-nisa jiġu esposti fid-dinja tax-xogħol u jinħatru bħala kapijiet tal-istat.
Dr Abela qalet li rridu nkomplu nisfidaw l-isterjotipi u li s-suċċess tal-mara mhuwiex preżentat bil-ħwejjeġ li tilbes iżda bl-impatt li tħalli fis-soċjetà. Hija temmet tgħid li d-dinja tkun dejjem isbaħ meta timxi b’dinjità, rispett u ugwaljanza.


