Intemmew b’suċċess erbat ijiem ta’ laqgħat f’pajjiżna mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi. Fi stqarrija l-Partit Laburista qal li matul dawn il-laqgħat, kienu diskussi diversi temi ta’ interess għall-popli Ewropej.
L-għażla tal-S&D li l-grupp ta’ MEPs jiltaqa’ Malta kienet waħda sinifikattiva. Il-President tal-Grupp inniffisha, Iratxe García Pérez innotat ir-riformi pożittivi li qed imexxi l-Gvern Malti.
Minn sessjoni ta’ Q&A mal-Prim Ministru Robert Abela għal sessjoni maċ-ċittadini u ż-żgħażagħ dawn l-erbat ijiem raw djalogu miftuħ u diskussjonijiet interessanti bil-prinċipji komuni tal-ugwaljanza, il-ħarsien tal-ambjent, ix-xogħol u d-drittijiet għal kulħadd ikunu fost it-temi fuq l-aġenda.
Il-Membru tal-Parlament Ewropew Alex Agius Saliba, li kien qed jikkordina dan l-avveniment, esprima sodisfazzjon għall-fatt li dawn il-laqgħat seħħew f’pajjiżna. Huwa stqarr li bħala membri tal-grupp dawn huma laqgħat importanti qabel sessjonijiet tal-Parlament Ewropew. Sostna li dawn il-laqgħat ħallew il-frott fejn ġiet diskussa l-politika tal-Partit Laburista għaż-żmien li ġej. Dr Agius Saliba tenna l-Partit Laburista, fuq kollox reġa’ wera li huwa membru importanti fil-grupp tal-S&D u fi żmien li ġej il-ħidma u l-kolaborazzjoni bejnietna se tkompli tiżdied.