Il-Parlament approva liġi dwar l-arrest u d-detenzjoni u l-proċedura relatata mar-rikavat mill-kriminalità.
L-abbozz li jittratta l-arrest u d-detenzjoni, kien jirrikjedi emendi Kostituzzjonali. B’dan se jippermetti li l-arrest preventiv ta’ persuni suspettati b’reati serji, li jġorru pieni ta’ tnax-il sena priġunerija jew aktar, jiġi estiż b’massimu ta’ tmienja u erbgħin siegħa oħra b’ordni tal-Maġistrat.
Fi stqarrija, il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard, qal li, b’din il-liġi, il-Gvern se joffri aktar għodod effettivi lill-Pulizija biex ikunu jistgħu jagħmlu investigazzjoni f’reati serji.
Il-Ministru Attard sostna li din il-liġi għandha tintuża f’każi ta’ eċċezzjoni u mhux in-norma.
Il-Parlament approva wkoll l-Att li jemenda r-rikavat mill-kriminalità. Dan se jfisser l-istess proċedura, fejn ikun possibbli, fil-proċeduri għas-sekwestru, l-iffriżar u l-konfiska tar-rikavat mill-kriminalità u jirrispondi għal proporzonalità meħtieġa f’tali ordnijiet hekk kif mitlub mill-Qrati lokali u Ewropej.
Intqal li, fl-istadju ta’ kumitat, dan l-abbozz kompla jissaħħaħ, b’bilanċ aktar ġust bejn il-ħtieġa fl-interess pubbliku li jinħarġu tali ordnijiet u d-drittijiet tal-persuna suspettata, imputata jew akkużata li ma titqiegħedx f’sitwazzjoni ta’ rovina finanzjarja mingħajr ma tkun instabet ħatja. B’dawn l-emendi kull reat baqa’ reat u ebda piena ma ġiet emendata.
Fir-reati marbutin mad-droga, li f’pajjiżna jġorru piena massima ta’ għomor il-ħabs, se tibqa’ l-istess proċedura fis-seħħ qabel ma’ daħlu dawn l-emendi.
L-abbozz jintroduċi wkoll il-possibbiltà ta’ żieda fl-ammont, li jkun jista’ jiġi rilaxxat lill-imputat għall-għajxien tiegħu u tal-familja, waqt li l-kawża tkun pendenti.
Se tkun ukoll il-Qorti Kriminali li, wara li tiddeċiedi fuq il-ħtija, se tistabbilixxi u tidentifika l-valur u l-assi li għandhom jiġu kkonfiskati.
F’din l-istqarrija, il-Ministru Attard tenna li l-Gvern se jkompli jaħdem għal soċjetà fejn kulħadd ikun kontabbli ta’ għemilu, imma jrid jassigura wkoll li l-liġijiet jirrispettaw id-drittijiet fundamentali.
Dr Attard sostna li dak approvat mill-Parlament se jwassal għal ġustizzja effiċjenti, imma wkoll effettiva kontra l-kriminalità.