Il-Kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Clint Azzopardi Flores għalaq il-kampanja tiegħu l-Ġimgħa, fi Pjazza San Franġisk, Ħal Qormi.
Id-deċiżjoni li jagħlaqha f’Ħal Qormi ħadha flimken mar-raġel tiegħu Ray Azzopardi, li huwa wkoll min Ħal Qormi, għalkemm għex ħafna minn ħajtu l-Ħamrun.
Clint Azzopardi Flores qal li l-għeluq tal-Kampanja kien deċiż li jsir qabel sabiex ikun jista’ jiffoka u jgħin aktar lill-Partit Laburista jirbaħ l-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju.
Huwa tenna l-importanza ta’ dawn l-elezzjonijet għall-poplu Ewropew inkluż dak Malti, fejn id-deċiżjoni hi ta’ x’Ewropa irridu.
Esponenti mill-Partit Laburista inkluż l-Membru Parlamentari Ewropew Alex Agius Saliba tennew l-importanza li jkollna rappreżentanti ta’ esperjenza fil-Parlament Ewropew.
Il-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca qalet li Azzopardi Flores jistħoqqlu jkun wieħed mir-rappreżentanti għax dejjem żamm iż-żgħir f’qalbu u għandu esperjenza ta’ ħafna snin fi Brussell li jista’ jsarrafha ta’ ġid għall-poplu Malti.
Min-naħa tagħhom il-Ministri Clayton Bartolo u Stefan Zrinzo Azzopardi qalu li Clint Azzopardi Flores huwa politiku komplut li dejjem ġab l-interess nazzjonali qabel kollox.
Clint Azzopardi Flores għalaq id-diskors tiegħu billi qal li jiġri x’jiġri, hu se jiqba’ qrib il-Partit Laburista u jservi fejn ikun mitlub għas-servizz tal-poplu u tal-Partit Laburista bħala Laburist u xellugi.
“L-imħabba tagħkom lejn il-Partit Laburista u l-pajjiż hija wisq għażiża sabiex ma nibqax hawnhekk magħkom u fosthom. Bħal m’għamilt jien fil-passat irrid nibqa’ niddefendi isem Malta u lilkom il-Laburisti u suldati tal-azzar. Jien wieħed minnkom, jien tagħkom.”