Aktar minn tmien mitt persuna dalgħodu ħarġu bi ħġarhom biex ipassu madwar il-kosta Maltija fin-Nofsinhar ta’ gżiritna u jikkompetu f’maratona twila tnejn u erbgħin kilometru li twassal sal-belt tal-Birgu.
Wieħed kellu l-għażla li jikkompeti wkoll f’dik li hija magħrufa bħala half marathon.
Ftit wara t-tokki tad-disgħa ta’ filgħodu kien Charlton Debono li daħal fl-ewwel post wara li ġera wieħed u għoxrin kilometru.
Debono stqarr, “Dejjem sodisfaċenti li tirbaħ half marathon. Din kienet rotta kemxejn impenjattiva, sabiħa ħafna, ħadna vera pjaċir. Tlaqt f’saħħti mill-ewwel u tista’ tgħid wara żewġ kilometri kont diġà qed niġri waħdi. Żammejt pass komdu imma mgħaġġel u dħalt f’ħin tajjeb ta’ siegħa u tnax –il minuta.”
Wieħed mill-organizzaturi tal-INTERSPORT La Vallette Malta marathon, Matthew Pace spjega magħna li din il-maratona f’Malta hija rikonoxxuta internazzjonalment.
Hu rrimarka li l-kompetizzjoni sportiva ma kienitx l-unika raġuni wara din il-maratona għaliex permezz tagħha l-organizzaturi sabu x-xoqqa f’moxtha biex jippromwovu wkoll l-kultura Maltija.
Pace spjega, “Nużaw il-vantaġġi ta’ pajjiżna bħall-ambjent, il-kosta sabiħa li għandna u l-istorja biex nattiraw it-turisti li jiġu lejn Malta permezz tal-isport individwali. Avveniment bħal dan, iġifieri l-feedback tal-atleti kollha li pparteċipaw, illum kellna jekk mhux sejjer żball xi tmien mija u ħamsin li għall-ewwel darba, sodisfatt immens. Kienet pożittiva ħafna speċjalment ir-rotta kif għażilniha, viċin il-baħar il-ħin kollu tgħaddi minn quddiem Sant’ Iermu, quddiem l-Isla, quddiem locations primarji u storiċi bażikament.”
Pace rrimarka wkoll is-sorpriża li ħa bħala organizzatur għan-numru kbir ta’ parteċipanti f’din ilmaratona hekk kif terz minnhom kienu barranin.
Fi tmiem din il-maratona l-atleti ngħataw rikonxximent tal-wirja sportiva tagħhom permezz ta’ midalji u tazzi preżentati mill-Ministru għall-Isport Clifton Grima u l-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.