Waqt l-Expo tas-Servizz Pubbliku, li qed isir fl-MFCC, ġie varat il-proġett tar-reġistru diġitali tal-persuni.
Permezz tiegħu qed jinbena servizz ċentrali biex id-dipartimenti u l-aġenziji kollha tal-Gvern ikunu jistgħu jkollhom aċċess u użu għall-istess data personali ta’ kull individwu.
Dan il-proġett ġie varat f’diskussjoni bejn is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Intern Joyce Dimech, il-Kap Eżekuttiv ta’ Identità Steve Agius u l-Kap Eżekuttiv tal-MITA Emanuel Darmanin.
F’dinja fejn id-diġitalizzazzjoni qed issir aktar prevalenti, l-amministrazzjoni pubblika qiegħda timpenja ruħha dejjem aktar biex tiżgura li s-servizzi offruti liċ-ċittadini jkunu bla xkiel u faċli biex jintużaw.
Permezz tal-avviż legali 439 tal-2021, il-Gvern stabbilixxa qafas legali għal servizz ċentrali li bih iċ-ċittadini jinħelsu mill-piż li jkollhom jinnotifikaw lill-awtoritajiet relevanti biex jaġġornaw l-informazzjoni personali tagħhom meta jaċċessaw servizzi differenti tal-gvern. Dan għandu jwassal biex il-kunċett tal-Once Only Principle jibda jitħaddem fil-prattika.
Dan l-avviż legali ta s-setgħa lill-amministrazzjoni biex tistabbilixxi reġistru tal-persuni ċentrali u jieħu miżuri li jiffaċilitaw it-tqassim ta’ data personali b’mod etiku u sigur bejn id-dipartimenti u l-aġenziji tal-Gvern.
Din hija ħidma fit-tul li tinvolvi ħafna u ħafna xogħol tekniku, però dak li tħabbar illum huwa pass ieħor sabiex bl-użu tat-teknoloġija jitnaqqsu l-ostakli burokratiċi, ikunu simplifikati dejjem iżjed il-proċessi amministrattivi u s-sottomissjonijiet żejda tad-data u ċ-ċittadini jingħataw aċċess konvenjenti għal servizzi essenzjali.
Dan is-servizz ċentrali ser ikun mħares bl-aqwa sigurtà diġitali possibbli u b’aderenza stretta mar-rekwiżiti regolatorji.