Il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva ħabbar li se jiġi rivedut il-formularju tal-mediċini tal-Gvern, biex jirrifletti aċċess aħjar għall-mediċini fil-kura tas-saħħa mentali, filwaqt li se jittejbu drittijiet ta’ preskrizzjoni lill-professjonisti.
Din ir-reviżjoni se tinkludi żieda ta’ ħmistax-il tip ta’ mediċina, li t-tabib personali tal-individwu se jkun jista’ jordnahom direttament hu permezz tar-riċetta.
Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela qal kif l-avvanzi fil-kura medika qed iwasslu għall-effettività fil-prevenzjoni u l-immaniġġjar tal-kundizzjonijiet relatati mas-saħħa mentali.
Dan hekk kif l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa, il-WHO, tiddikjara li l-kisba ta’ saħħa mentali sostenibbli tibqa’ fundamentali għall-benesseri tal-bniedem.
Il-Ministru kompla li, bis-saħħa tal-Istrateġija għas-Saħħa Mentali sal-2030, dawk li jiġu bżonn dan is-servizz se jkunu qed jirċievu l-appoġġ meħtieġ, inkluż f’ambjent komunitarju.
Għalhekk, hu importanti li l-formularju tal-Gvern jiġi rivedut u aġġornat biex jingħata l-aqwa servizz lill-poplu bbażat fuq l-evidenza.
“Għalhekk, meta pazjent se jkollu bżonn waħda minn dawn il-mediċini, issa t-tabib tal-familja stess jista’ jordnahom. Mhemmx bżonn ikun speċjalista fil-psikjatrija.”
Il-Ministru JO Etienne Abela
Bir-reviżjoni tal-formularju, l-ispeċjalisti u t-tobba tal-familja se jingħataw ukoll aċċess għal servizzi speċjalizzati tas-saħħa mentali kemm fi kliniċi tas-saħħa mentali fil-komunità kif ukoll f’faċilitajiet oħrajn.