Ħarġet is-sejħa għall-offerti internazzjonali għal transformer u shunt reactors kbar biex jiġu installati fit-terminals tal-elettriku fil-Magħtab u f’Ragusa, bħala parti mill-iżvilupp tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija. L-installazzjoni ta’ dan l-apparat, b’investiment ta’ ħamsa u għoxrin miljun ewro, huwa żvilupp importanti ieħor għal dan il-proġett importanti.
Dan wara li, ftit xhur ilu, l-Awtorità tal-Ippjanar approvat l-applikazzjoni tal-kumpanija tal-Gvern, Interconnect Malta, għall-permessi tal-iżvilupp għax-xogħlijiet ta’ dan il-proġett fuq l-art u f’qiegħ il-baħar f’pajjiżna, sa nofs ir-rotta lejn Sqallija. Interconnect Malta għaddejja wkoll bil-proċess biex tikseb il-permessi għax-xogħlijiet tat-tieni Interconnector fl-ibħra Taljani u fuq l-art fi Sqallija.
Permezz tas-sejħa għall-offerti li ħarġet il-Ġimgħa, Interconnect Malta se tinstalla transformer ta’ 250 mega volt ampere (MVA) u shunt reactor fit-Terminal tal-Interconnector il-Magħtab, kif ukoll shunt reactor ieħor fit-terminal ta’ Ragusa. Dan it-tagħmir huwa parti essenzjali mis-sistema tat-tieni interconnector, li se jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku f’pajjiżna.
Id-Dipartiment tal-Kuntratti ħabbar li s-sejħa għall-offerti se tagħlaq fis-sittax ta’ April li ġej fid-9:30 ta’ filgħodu u dan wara li, sat-28 ta’ Marzu li ġej, jagħlaq iż-żmien għall-kjarifikazzjonijiet minn offerenti prospettivi.
L-offerti se jkunu qed jinfetħu wkoll fid-data tal-għeluq tat-tender għall-ħabta tal-10:00.
Il-proġett tat-tieni interconnector jinkludi x-xogħlijiet meħtieġa għat-tqegħid ta’ cables fuq l-art u anke f’qiegħ il-baħar bejn Malta u Sqallija. Il-cable, f’dan il-każ, se jkun qed jingħadda minn rotta differenti mill-ewwel wieħed, li beda jopera fl-elfejn u ħmistax, u b’distanza sigura bejniethom.
It-tieni interconnector jinkludi 99 kilometru ta’ cable f’qiegħ il-baħar u se jopera b’vultaġġ ta’ aktar minn 220 kilovolt.
Sadanittant dwar dan l-istess proġett, ftit ġimgħat ilu, InterConnect Malta ħarġet sejħa għall-offerti għal 23 kilometru ta’ cables fuq l-art fil-Magħtab u anke f’Ragusa fi Sqallija.
It-tieni interconnector għal pajjiżna se jipprovdi l-kapaċità meħtieġa biex isir investiment f’aktar sistemi t’enerġija rinnovabbli kbar, kemm fuq l-art u anke offshore, filwaqt li jilqa’ għad-domanda tal-futur fil-produzzjoni tal-elettriku.
Dan l-investiment mistenni jitlesta u jibda jopera fis-sena 2026.