Il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, bħala l-korp nazzjonali tal-ugwaljanza, tfakkar li min iħaddem għandu dmir bil-liġi li jipproteġi lill-impjegati mill-fastidju sesswali.
Kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, min iħaddem huwa obbligat li jieħu azzjoni kontra persuni li, wara investigazzjonijiet interni ġusti, jinsabu li kellhom imġiba sesswali mhux aċċettabli. Dan l-obbligu japplika anke meta jkun hemm proċedimenti pendenti quddiem il-qrati kontra l-persuni akkużati b’din l-imġiba.
Naraw li min iħaddem ma jistax sempliċiment iħalli f’idejn il-Qorti u jonqos milli jieħu azzjoni li tipproteġi s-saħħa u l-benesseri tal-impjegati. Dan naraw anke fil-liġijiet ta’ Malta li jgħidu biċ-ċar li, persuni responsabbli għal xi post tax-xogħol, stabbiliment jew entita’ edukattivi m’għandhomx jippermettu lil persuni oħra li jkollhom jedd ikunu preżenti fi, jew li jagħmlu użu minn xi faċilità, oġġett jew servizz ipprovdut f’dak il-post, li jġarrbu fastidju sesswali f’dak il-post.
L-NCPE ittenni li l-fastidju sesswali huwa forma ta’ vjolenza tal-ġeneru u impożizzoni abbużiva ta’ poter u kontroll fuq ħaddieħor, b’ħafna każijiet ta’ fastidju sesswali ma jiġux rappurtati minħabba l-biża mill-agressur u tħassib dwar nuqqas ta’ protezzjoni wara li jkun sar ir-rapport.
Għalhekk, huwa essenzjali li min iħaddem jieħu l-fastidju sesswali bl-ikbar serjetà u attivament iwassal il-messaġġ li ser jittieħdu l-miżuri kollha għall-ħarsien tal-impjegati. Fejn dan ma jsirx, mhux biss jitpoġġew f’riskju l-impjegati, iżda wkoll inaffar impjegati oħra li qed jesperjenzaw fastidju sesswali milli jirrappurtaw il-każ tagħhom.