Fil-faċilità fit-tul għal Kura tal-Anzjani f’San Vinċenz de Paul, il-Ministru Michael Falzon u s-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis inawguraw xogħolijiet ta’ restawr estensiv li sar fuq il-faċċata ikonika tal-binja.
B’investiment ta’ 300,000 ewro, il-faċċata tal-binja ta’ San Vinċenz de Paul ġiet restawrata u ngħatat id-dehra oriġinali li kellha.
Din l-inawgurazzjoni saret fl-okkażjoni tal-125 anniversarju mill-ftuħ ta’ din il-binja li preżentament tilqa’ fiha mal-1,100 resident, f’35 sala differenti.
Il-Ministru Falzon u s-Segretarju Parlamentari Agius Decelis elenkaw għal ħidma li qed issir f’San Vinċenz de Paul, b’risq il-kura u l-ħarsien tal-anzjani.
Fost l-oħrajn qed isir xoghol fuq t-tieni blokka tal-Kumpless Rużar Briffa fejn ser jiżdiedu 3 swali oħra b’130 sodda.
Hawnhekk l-ispiża mistennija tkun madwar 7 miljun ewro.
Ix-xogħol fuq kċina ġdida diġa beda filwaqt li qed jitħejja menu tal-ikel ġdid għall-anzjani.
Waqt l-inawgurazzjoni tħabbar wkoll li mistennija jiżdiedu 500 sodda u se jkun hemm spiżerija ġdida li taqdi l-ħtiġijiet ta’ kuljum.
Intqal ukoll li se jkun hemm sala ġdida tad-dimensja.