Il-proġett fl-Iskola Primarja tan-Nadur, li kien jinvolvi t-tisbiħ estensiv tal-binja storika, b’investiment ta’ €6.3 miljun b’fondi taħt il-programmi NextGenerationEU u l-Pjan ta’ Rkupru u Reżiljenza ta’ Malta, ġie inawgurat it-Tnejn filgħodu.
Preżenti għall-okkażjoni, li rat ukoll is-sehem tal-edukaturi u l-istudenti li se jgawdu mill-investiment, kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Chris Fearne, akkumpanjat mill-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, kif ukoll mill-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri.
B’sodisfazzjon, Mary Jane Camilleri, il-Kap tal-Iskola, iddeskriviet xi jfisser eżatt għalihom dan l-investiment kbir li sar.
“Jiena meta ġejt hawn u bdejt f’din l-iskola, kien kollox għadu qed jibda bħala xogħlijiet. F’dawn is-sentejn, kif taraw, inbidel kollox dwal, tisbiħ, il-grawnds, it-tfal issa kulħadd għandu l-ispazju tiegħu, għandna l-klassijiet kollha funzjonabbli u għalhekk kulħadd aktar komdu.”
Min-naħa tiegħu, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, spjega dwar il-viżjoni tal-Gvern rigward l-edukazzjoni.
“Bħala Gvern għandna viżjoni ċara, dik li nagħtu dak li hu l-aqwa riżorsi kemm lill-istudenti u anke lill-edukaturi, riżorsi li jaraw dak li jintlaħaq bħala żvilupp sħiħ tat-tfal tagħna. U proprju llum ġejna ninawguraw dak li hu investiment ta’ aktar minn €6 miljun, li permezz tiegħu għandek rinnovar f’din l-iskola, għandek faċilitajiet li huma ġodda f’din l-iskola, faċilitajiet li jikkumplimentaw dak li hu l-kurrikulu u dik hi l-viżjoni tagħna, il-viżjoni tagħna lejn aktar ħiliet għat-tfal Maltin u Għawdxin u naħseb din l-iskola hi proprju eżempju ta’ kif għandhom isiru l-affarijiet.”
Il-proġett fl-iskola inkluda d-disinn mill-ġdid tal-ispazji miftuħa u rikreattivi, kif ukoll il-ħolqien ta’ spazji ġodda għat-tagħlim ta’ suġġetti ekstra-kurrikulari, fosthom dance studio, music room, literacy room, theatre studio u klassijiet għall-arti.
Dan il-proġett hu parti minn investiment fl-infrastruttura edukattiva f’Għawdex, li jlaħħaq l-erbgħa u għoxrin miljun ewro.
Il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, b’sodisfazzjon irrimarka l-importanza li kellu dan il-proġett fuq it-tfal u l-edukaturi tal-istess skola, fejn anke sar b’għaqal.
“Mument ta’ sodisfazzjon kbir hekk kif proprju llum inawgurajna r-rinnovar mill-qiegħ tal-iskola tan-Nadur, skola li proprju l-ebda tifel u tifla, l-ebda għalliem u għalliema ma ħarġu minnha waqt ix-xogħlijiet, iżda rnexxielna matul is-sena sħiħa ngħaddu bix-xogħlijiet, nibdlu kullimkien, qassamna wkoll l-istudenti f’partijiet differenti tal-iskola biex ix-xogħlijiet ikunu jistgħu jsiru f’fażijiet differenti u llum qed naraw ir-riżultat. Riżultat ta’ skola ġdida fjamanta, skola bl-aqwa riżorsi, skola wkoll rinnovata mill-ġdid biex fl-aħħar mill-aħħar nagħtu l-aqwa ambjent għal uliedna”.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur, Chris Fearne, spjega kif waqt ix-xogħlijiet sar aċċenn fuq l-aċċessibbiltà fl-iskola u fil-binja ġew introdotti diversi miżuri favur l-effiċjenza fl-enerġija.
“Il-fondi Ewropej għandhom ħafna użi. Waħda mill-użu tagħhom hu li nkomplu nagħmlu binjiet, anke binjiet tal-Gvern aktar efficjenti fejn jidħol l-użu tal-enerġija. L-iskola tan-Nadur, hi propju wieħed minn dawn il-proġetti b’aktar minn €6 miljun fondi Ewropej, issa l-iskola apparti li hi aktar sabiħa, aktar akkoljenti, fiha aktar faċilitajiet għall-għalliema u għall-istudenti, hi aktar effiċjenti fejn tidħol użu tal-enerġija. Dan jgħin biex proġetti oħrajn bħal dawn, mhux biss f’Malta, imma fl-Unjoni Ewropea kollha, biex inrażżnu t-tibdil fil-klima. Tajjeb għall-ambjent u tajjeb fuq kollox għas-saħħa taċ-ċittadini Ewropej.”
Lura f’Settembru li għadda, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursola von der Leyen, akkumpanjata mill-Prim Ministru Malti Robert Abela, kienet żaret din l-istess skola fejn segwiet il-progress fil-proġett u ddeskrivietu bħala wieħed eċċellenti.