Fit-teatru nazzjonali Malti, it-Teatru Manoel, ġie iffirmat ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema tiegħu mal-General Workers’ Union, biex b’hekk se jkomplu jissaħħu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-impjegati u r-relazzjonijiet industrijali tajbin li diġà jeżistu.
Preżenti għal dan il-ftehim kollettiv kien hemm il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, il-Kap Eżekuttiv tat-Teatru Manoel, Edward Zammit, kif ukoll Kevin Abela, is-Segretarju tat-Taqsima tal-Ikel u l-Ospitalità fi ħdan il-General Workers’ Union.
Dan il-ftehim hu għal perjodu ta’ ħames snin b’effett b’lura mill-1 ta’ Jannar li għadda sa tmiem is-sena 2028.
Il-Ministru Bonnici spjega kif, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkun hemm żidiet fil-pagi tal-ħaddiema, li wkoll se jiġu rikonoxxuti l-abbiltajiet, il-ħiliet u s-snajja’ tagħhom, permezz ta’ inċentivi u saħansitra bonuses speċifiċi.
Dan filwaqt li se jkomplu jiġu msaħħa l-family friendly measures u s-saħħa mentali tal-ħaddiema, li tant hi importanti.
“Il-ħaddiema tat-Teatru Manoel huma ħaddiema ddedikati mmens li jiffokaw ħafna xogħol, speċjalment fi żmien meta ħaddieħor ma jkunx qed jaħdem ikun bil-vaganzi, għax fil-vaganzi aktar iżid ix-xogħol fit-Teatru Manoel. Aħna ridna nirringrazzjaw lil dawn il-ħaddiema, għax jistħoqqilhom ħafna.”
Il-Ministru Owen Bonnici
Min-naħa tiegħu, ir-rappreżentant tal-GWU qal li, bil-ftehim, il-ħaddiema tal-Manoel se jingħataw bażi soda biex ikun hemm futur pożittiv fil-qasam teatrali.
“Fejn f’dan il-ftehim kollettiv żidna l-pagi b’mod sostanzjali u l-kundizzjonijiet tax-xogħol”.
Segretarju, GWU Kevin Abela