It-32 edizzjoni tal-Malta International Darts Open ġiet fi tmiemha nhar il-Ħamis 21 ta’ Novembru. Matul it-tlett ijiem ta’ logħob kien hemm jikkompetu 277 raġel, 43 mara u 22 plejer b’diżabiltà flimkien ma’ 165 pari għal total ta’ 507 reġistrazzjoni ġejjin minn 20 pajjiż Ewropew differenti.
Fil-kompetizzjoni tal-irġiel, il-finali ġiet ikkontestata minn Thibault Tricole ta’ Franza u Joe Davis tal-Ingilterra, b’dan tal-aħħar joħroġ rebbieħ 6-4 wara li kien 1-4 minn taħt. L-aqwa wirja mill-Maltin ġiet mingħand Mario Sciascia li jilgħab mal-Education Bar meta spiċċa fit-tmien post segwit min Tony Borg (Horseshoe) u Kirsten Aquilina (Qormi Hockey) li spiċċaw fit-32 post.
Fil-pari tal-irġiel l-istess Joe Davis flimkien ma’ sieħbu Rob Collins għelbu faċilment fil-finali lill-aħwa Kevin u Doug Thoburn 4-0. L-aħjar fost il-Maltin kienu Aquilina/Farrugia (Qormi Hockey), Micallef/Tonna (Siggiewi ta’ Klaricc), Stanmore/Keen (Kalkara St Joseph) u Abela/Borg (Horseshoe) li spiccaw fis-16-il post.
Il-finali tan-nisa ntrebħet minn Jo Locke tal-Ingilterra meta għelbet lil Paula Jacklin ukoll mill-Ingilterra 4-2. Jane Baggeley Agius (New Sun City Pub) spiċċat mal-aħħar 16.
Fil-pari tan-nisa, l-istess Jo Locke flimkien ma’ Amanda Harwood għelbu lil Deta Hedman u l-Maltija Althea Ciantar 4-1.
Għat-tieni sena saret il-kompetizzjoni ta’ plejers b’diżabbilità. Din intrebħet minn Thomas Callaghan li għeleb lil missieru Doug.