It-Tnejn filgħodu ġie ffirmat ftehim settorjali ġdid għall-għalliema bejn il-Gvern u l-Unjin Maltija għall-Għalliema l-MUT. Ftehim deskritt bħala l-aqwa wieħed għall-edukaturi f’pajjiżna.
Dan waqt konferenza fil-Berġa ta’ Kastilja u li kienet ippreseduta mill-Prim Ministru Robert Abela.
Fil-fatt, f’indirizz li għamel il-Prim Ministru Robert Abela qabel l-iffirmar, fakkar kif il-Gvern wiegħed titjib sinjifikanti fil-kundizzjonijiet tal-edukaturi u llum żamm ma’ dik il-wegħda.
Dr Abela fisser l-edukaturi bħala mutur fil-qasam edukattiv hu u jinnota li l-ftehim fih żidiet fis-salarji għall-gradi kollha ta’ edukaturi.
Il-ftehim huwa għal ħames snin u se jibda jgħodd bl-arretrati sa mill-bidu tas-sena l-oħra sal-aħħar tal-2027. Il-ftehim fih ukoll avvanz fil-karriera b’aktar pass mgħaġġel u se jkompli jsaħħaħ l-iżvilupp professjonali tal-edukaturi.
Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.
Filwaqt li rringrazzja lil dawk kollha involuti fid-diskussjonijiet li wasslu għall-aqwa ftehim settorjali li qatt kellhom l-edukaturi, qal li dan il-ftehim huwa wkoll l-ewwel ftehim li permezz tiegħu l-Gvern u l-Unjin tal-Għalliema għandhom viżjoni komuni għat-tkomplija tat-trasformazzjoni tas-settur edukattiv.
Il-President tal-MUT Marco Bonnici sostna li dan il-ftehim hu riżultat ta’ negozjati fuq ftehim li jirrikonoxxi l-esperjenza, il-kwalifiċi u l-impenn tal-edukaturi u jsostnihom sabiex ikomplu joffru l-aqwa esperjenza tat-tagħlim lill-istudenti.
Il-ftehim settorjali kien ippresedut mill-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru Clifton Grima u s-Segretarju Permanenti Ewlieni Tony Sultana.