Dalgħodu ġie ffirmat it-tieni ftehim kollettiv bejn l-Aġenzija għall-Ħarsien tal-Persuni li qed ifittxu Ażil (AWAS) u l-General Workers Union. Dan il-ftehim kollettiv mhux biss se jtejjeb il-kundizzjonijiet tal-pagi u l-mod li bihom il-ħaddiema javvanzaw fl-iskali, imma jinkludi fih miżuri li jattira wkoll impjegati ġodda f’dan is-settur.
Bħalissa hemm ftit ‘il fuq minn 100 ħaddiem fl-aġenzija, iżda hemm il-ħtieġa ta’ aktar ħaddiema biex il-ħidma f’dan is-settur tkompli titjieb. Infatti, l-aġenzija qed tħejji kors ta’ diploma akkreditata mill-aġenzija stess fuq livell ħamsa b’kollaborazzjoni ma’ letturi mill-Università ta’ Malta u l-Kulleġġ tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija. Dan il-kors huwa twil sentejn u nofs u jgħin biex ħaddiema tal-Aġenzija u ħaddiema prospettivi ikun mħarrġa f’dan is-settur.
Intant, Il-Ministru għall-Intern, Michael Farrugia, semma kif dan il-kollettiv jirifletti wkoll il-bżonnijiet ta’ Malta fil-qasam tal-imigrazzjoni. Qal ukoll li l-Kunsilli tal-Intern u d-Difiża fl-Unjoni Ewropea qed janalizzaw diversi inizjattivi dwar l-immigrazzjoni illegali kif ukoll dwar l-imigrazzjoni legali fil-pajjiżi Ewropej.
Tenna bil-messaġġ li għandu jieqaf il-kliem dispreġjattiv u ta’ mibgħeda għandu jieqaf għaliex la jagħmel ġid lill-persuni li jgħidu l-kliem u lanqas bħala nazzjon.