“Feeling inkredibbli ħafna, ovvjament dejjem xtaqt li nasal sa din il-ġurnata u fl-aħħar wasalt hawnhekk. Inħossni grata ħafna ovvjament bl-għajnuna tal-għalliema tiegħi, tal-familjari tiegħi.”
Din kienet ir-reazzjoni ta’ studenta ftit qabel gradwat wara sena tistenna minħabba l-COVID-19.
Fil-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija bdew jsiru l-gradwazzjonijiet għal studenti li temmew l-istudji tagħhom fis-sena tal-pandemija.
Dan hekk kif iċ-ċerimonji ta’ gradwazzjoni kellhom jiġu posposti minħabba l-imxija, imma f’dawn il-jiem mistennija jiggradwaw xejn inqas minn elfejn, tliet mija u ħamsin student mill-MCAST.
ONE News attenda għall-ewwel ċeremonja ta’ gradwazzjoni fil-kulleġġ MCAST ta’ Raħal Ġdid, fejn gradwaw studenti fuq livell ta’ baċellerat fil-qasam tal-arti kreattiva.
L-istudenta Sarah Debattista qaltilna kif il-kulleġġ iħejjik għad-dinja tax-xogħol.
“L-MCAST jgħallmek li kwalunkwe kors li tagħżel mhuwiex biss is-suġġett li qed titgħallem imma huwa ħafna aktar. Nemmen li l-MCAST huwa vera prattiku u jgħallmek biex inti tasal fid-dinja tax-xogħol.”
Student ieħor, Sebastian Falzon qalilna kif tul il-kors tiegħu tgħallem mhux biss it-teorija imma anki l-prattika.
“Żviluppajt ovvjament talenti ġodda u fuq it-talenti li kelli żidt l-għarfien, żidt kemm jiena kapaċi b’ċertu apparat u naħseb l-aktar li tgħallimt hija li mill-MCAST peress li hemm ħafna aktar esperjenza hands-on allavolja kellna ħafna x’nagħmlu jiġifieri f’teorija imma l-prattika għenet.”
Iż-żgħażagħ semmew id-dixxiplina u l-kunfidenza bħala valuri li trawmu fihom fil-vjaġġ edukattiv tagħhom.