B’kors ġdid dwar il-qasam tan-Negozji Żgħar u Medji, il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija, l-MCAST se jara l-ewwel studenti fi ħdanu jiggradwaw b’Dottorat.
Għaxar studenti li ġejjin minn oqsma differenti, bdew dan il-kors ta’ ħames snin li tnieda f’Ġunju ta’ din is-sena.
Tmien studenti huma letturi jew ħaddiema fl-MCAST, filwaqt li tnejn oħra ġejjin minn kumpaniji.
ONE News tkellem ma’ Francine Farrugia, li spjegat fuq xiex se tiffoka r-riċerka tagħha.
Qalet, “Permezz tal-istudji tiegħi, mhux biss qed inħares lejn dan l-istess settur li f’Malta hawn il-maġġoranza apparti l-kumpaniji diġà eżistenti, però wkoll dak li diġà huwa eżistenti f’pajjiżi differenti u x’hemm amalgamat ġewwa Malta. Hawnhekk ġol-MCAST hawn post fejn mhux biss naraw il-letturi jgħallmuna imma huwa post vokazzjonali allura bid-Dottorat ħa nkun qed nesplora kemm dak li huwa akkademiku però wkoll x’għandu bżonn is-settur tal-SMEs.”
Il-Prinċipal tal-MCAST, James Calleja semma kif dan il-kors b’riċerka, kien ilu ħolma tal-kulleġġ u issa saret realtà.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana semmiet kif il-liġi tal-MCAST tressqet għall-ewwel qari fil-Parlament.
Spjegat, “Liġi importanti ħafna illi ser tagħti awtonomija lill-MCAST, però ħa tkun b’saħħitha u flessibli biżżejjed biex tkun tista’ tmexxi ’l quddiem l-aġenda tagħha.”
Dan il-kors tad-Dottorat qed isir b’kollaborazzjoni mal-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji u l-Fondazzjoni Richmond.