L-Istitut għall-Edukazzjoni qed jagħti sehmu bis-sħiħ biex iżid aktar l-edukaturi professjonisti fl-iskejjel f’pajjiżna, għall-ġid tat-tfal u tas-soċjetà kollha kemm hi.
L-Istitut jipprovdi anki korsijiet part-time biex, min irid, ikun jista’ jaħdem u jistudja fl-istess waqt u jtejjeb il-ħiliet professjonali tiegħu.
Fid-diversi korsijiet li l-Istitut joffri, l-assessjar isir b’mod kontinwu, prattiku, u relatat mat-tagħlim fil-klassi.
Fil-jiem li għaddew, f’żewġ ċerimonji, iggradwaw kważi 100 student. Fost dawn hemm dawk li lestew il-kors biex isiru kapijiet fl-iskejjel bil-Postgraduate Diploma in Applied Educational Leadership. Oħrajn temmew b’suċċess kors fl-Assessjar għat-Tagħlim u b’hekk issa għandhom aktar għarfien fil-pedagoġija, li kapaċi tinkludi lil kulħadd, anki studenti b’ħiliet varji, u għalhekk ittejjeb l-esperjenza tat-tagħlim tagħhom.
Barra dan, iggradwaw ukoll studenti li minn supply teachers issa saru għalliema regolari fl-Engineering Technology, l-Ingliż, il-Matematika, ir-Reliġjon, ix-Xjenza, l-Ospitalità, u anki fl-iskejjel primarji.
Tkellimna ma’ Joanne Grima, il-Kap Eżekuttiv tal-Istitut għall-Edukazzjoni. Hija esprimiet is-sodisfazzjon tagħha meta tara lill-istudenti jiggradwaw.
‘Aħna kburin b’dak kollu li ħadu, b’dak kollu li tgħallmu minn hawnhekk, il-kompetenzi li ħadu, u nemmnu li se jagħmlu d-differenza fl-iskejjel tagħna.’
Il-Ministru responsabbli mill-Edukazzjoni, Clifton Grima, tkellem dwar l-irwol tal-Istitut għall-Edukazzjoni u dwar kemm hija prijorità għall-Gvern li jkompli jinvesti fl-Edukazzjoni.
‘Dan l-Istitut għandu rwol importanti fl-ekosistema edukattiva tal-pajjiż. Infatti, nemmen li jservi ta’ ispirazzjoni għall-edukaturi tagħna u llum proprju qed naraw l-ewwel grupp li qed jiggradwa fil-B.Ed. Hons, u allura qegħdin nuru li bħala pajjiż qegħdin ninvestu fl-edukaturi tagħna u dejjem nagħtu aktar għodda u aktar toroq sabiex dak li jkun jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu.’