Fl-aħħar jiem saret il-gradwazzjoni ta’ 300 student, li jkopru mil-livell ta’ Fondazzjoni sal-livell ta’ Masters.
Fi stqarrija mill-Istitut intqal li l-qofol taċ-ċerimonja kien is-suċċess tad-Diploma in Climate-Friendly Travel, b’44 gradwat, li jirrifletti l-impenn tal-ITS għal prattiki ta’ turiżmu sostenibbli.
Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm id-Deputat Prim Ministru u Ministru għat-Turiżmu Ian Borg, li faħħar lill-gradwati għar-rwol tagħhom fl-industrija tat-turiżmu lokali li qed tikber. Huwa ħeġġeġ lill-gradwati biex jgħollu l-esperjenza turistika u jkomplu jfittxu l-eċċellenza.

Il-Kap Eżekuttiv tal-ITS Pierre Fenech enfasizza l-importanza li l-esperjenza tax-xogħol tiġi bbilanċjata mal-edukazzjoni, u ħeġġeġ lil min iħaddem biex jappoġġja t-tkabbir akkademiku tal-istudenti għall-benefiċċju fit-tul tal-industrija.
