Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis ħabbar fil-parlament li din is-sena iggradwaw 124 studenti minn korsijiet (full-time) fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi (ITS).
Huwa kien qed iwieġeb mistoqsija tal-membru parlamentari nazzjonalista Claudio Grech u kompla jgħid li dawn inqasmu 21 Foundation, 63 ċerifikat, 14 diploma u 26 Higher National Diploma.
Il-Ministru Zammit Lewis qal li bi qbil mal-industrija saret bidla fil-mod ta’ kif jiġu mgħallma l-korsijiet kif ukoll biex l-internship internazzjonali ma jkunx fil-perjodu fl-aħħar tal-istudji iżda jkun fin-nofs. Dan sar biex il-kumpaniji lokali jingħataw aktar ċans jimpjegaw lill-gradwati Maltin. Għaldaqstant, b’riżultat ta’ dan it-tibdil, 125 student/a illi qegħdin jistudjaw għad-diploma barra il-pajjiż ser jigradwaw fl-2017 minn flok fl-2016.
Għal mistoqsija oħra tal-istess membru, l-ministru qal li l-kampus il-ġdid tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi fi Smart City huwa ppjanat illi jkun kompletament funzjonali fl-2019, l-istess sena illi l-Istitut ser jieqaf jopera mis-sit preżenti tiegħu.