Iż-żewġ fazzjonijiet fil-Partit Nazzjonalista, jiġifieri dik ta’ Adrian Delia u l-oħra ta’ Simon Busuttil qed jimmobilizzaw in-nies u jħeġġu l-kunsilliera tal-Kunsill Ġenerali biex jivvutaw kif iridu huma fil-jum tal-Erbgħa fejn se ssir il-votazzjoni bikrija u anki fil-jum tas-Sibt meta se ssir il-votazzjoni propja.
Ta’ Delia qed iħeġġu li l-membri tal-Kunsill Ġenerali jagħżlu li t-tesserati jikkonfermaw il-Kap filwaqt li ta’ Busuttil qed jimbuttaw favur li l-kunsilliera jagħżlu li t-tesserati jivvutaw f’elezzjoni oħra għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Esponenti ewlenin taż-żewġ fazzjonijiet tellgħu mudell tal-polza tal-vot fuq il-profil tagħhom fuq facebook u ħeġġew lill-membri tal-ogħla organu tal-Partit Nazzjonalista jagħżlu dak li trid il-fazzjoni li jappartjenu għaliha.
Hekk għamlu André Grech, membru tal-eżekuttiv li huwa leali lejn Delia u Charles Mangion magħruf bħala ż-Żubina li huwa magħruf kemm huwa tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
Dan kollu wassal ukoll għal reazzjoni minn bosta li qablu jew ma qablux ma’ dak li kien qiegħed jiġi mħeġġeġ biex isir fil-Partit Nazzjonalista li jinsab mifni bl-inkwiet intern.
Ta’ Delia qed isostnu li ż-żiemel tagħhom ilu tliet snin jaffaċċja lil min jimminah u jipprova jaqtalu saqajh u r-rieda tat-tesserati ta’ tliet snin ilu għandha tiġi rispettata.
“Dawn ma qagħdux għal vot demokratiku ta’ tliet snin ilu u issa jridu jsemmu d-demokrazija biex it-tesserati jagħżlu. Mela ħallihom ħa juru fiduċja fil-Kap tagħna imbagħad min ma jogħġbux jitlaq”, instema’ wieħed minn ta’ Delia jgħid f’każin Nazzjonalista fejn il-kumitat sezzjonali huwa leali lejn il-Kap.
Dan l-argument sostnieh ukoll Delia, nhar is-Sibt fuq ir-radju tiegħu fejn aċċenna għall-isforzi kontinwi tul l-aħħar tliet snin biex iqaċtulu rasu minn Kap.
Sforzi li wasslu sabiex kull sajf jissottometti lilu nnifsu quddiem il-Kunsilliera jew it-tesserati.
“F’tliet snin din ħa tkun it-tielet darba jiġifieri darba fis-sena. Appuntament annwali. L-ewwel darba kien hemm l-elezzjonijiet maqsumin fit-tnejn Kunsilliera u Tesserati. It-tieni darba l-konferma ukoll mingħand il-Kunsill Ġenerali u issa.”
Min-naħa l-oħra, id-deputati li sfiduċjaw lil Kap Nazzjonalista għal aktar minn darba, mal-ewwel iddikjaraw li huma favur tellieqa miftuħa għal Kap.
Fil-fatt fi stqarrija, il-Ġimgħa, ftit wara li l-eżekuttiv iddeċieda li jkunu l-kunsilliera li jagħżlu jekk isirx vot ta’ fiduċja f’Delia jew elezzjoni għal Kap fost it-tesserati, dawn id-deputati ribelli qalu li huma kontra li Delia jtellaq waħdu iżda riedu jitfgħu ż-żwiemel tagħhom kontra Delia.
Fuq l-Independent u t-Times, il-membri tal-eżekuttiv Nazzjonalista u l-eks deputati Nazzjonalisti Richard Muscat u Paula Mifsud Bonnici kitbu favur li t-tesserati jagħżlu kap ġdid.
Fl-artikli identitiċi, huma attakkaw bla rażan lil Delia u qalu li jeħtieġ isir xi ħaġa biex isalvaw il-partit mill-istat diżastruż li jinsab fih.
Semmew it-telfiet elettorali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali li ġraw taħt it-tmexxija ta’ Delia u qalu li l-kitba hija fuq il-ħajt.