Il-MEDAC akkwistat reputazzjoni b’saħħitha bħala istituzzjoni akkademika fil-missjoni tagħha li hi dik li tipprovdi taħriġ u formazzjoni għal diplomatiċi żgħażagħ minn pajjiżi tan-naħa t’isfel tal-Mediterran u reġjuni fil-viċin.
L-iffirmar li jikkonċerna ftehim ġdid bejn il-Professur Stephen Calleya, f’isem l-Akkademja tal-Mediterran għall-Istudji Diplomatiċi, u l-Ambaxxatur Rita Adam, l-Ambaxxatriċi tal-Isvizzera għal Malta, ikompli jsaħħaħ l-akkademja biex tilħaq l-għanijiet tagħha, filwaqt li tibqa’ effiċjenti f’ambitu akkademiku internazzjonali li qed isir aktar kompetittiv. Permezz ta’ dan il-ftehim ġew assigurati 36 scholarship fuq perjodu ta’ sentejn.
Wara diskussjonijiet u negozjati bejn uffiċjali mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u Promozzjoni tal-Kummerċ u d-Dipartiment Federali Żvizzeru għall-Affarijiet Barranin, il-ftehim ġie ffirmat fil-preżenza tal-Ministru Carmelo Abela, li esprima l-pjaċir tiegħu li bis-saħħa tal-konklużjoni b’suċċess ta’ dawn in-negozjati, il-MEDAC hi kapaċi ssegwi l-missjoni tagħha biex issaħħaħ id-diplomazija tal-Mediterran.
Il-Ministru Abela ddikjara li tletin sena ilu, il-Gvernijiet ta’ Malta u tal-Isvizzera imbarkaw fuq proġett ambizzjuż u waqqfu akkademja għal żgħażagħ b’aspirazzjoni li jsiru diplomatiċi taħt il-patroċinju tal-Università ta’ Malta. “L-intenzjoni kienet li jiġi provdut taħriġ u formazzjoni lil diplomatiċi żgħażagħ minn pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u reġjuni ġirien. Minn dakinhar dan is-servizz ġie estiż għal diplomatiċi mill-Afrika, l-Asja u l-Lvant Nofsani ”, innota l-ministru.
“Sal-lum, aktar minn 700 student minn aktar minn 60 pajjiż iggradwaw mill-akkademja u llum numru tajjeb minnhom għandhom karigi ta’ ambaxxatur li jirrappreżentaw il-pajjiżi rispettivi tagħhom. Apparti hekk, uħud minn dawn bħalissa huma dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fil-pajjiż ta’ oriġini tagħhom filwaqt li oħrajn għandhom karigi eżekuttivi għoljin man-Nazzjonijiet Magħquda jew ma’ waħda mill-aġenziji tagħha jew mal-Unjoni Ewropea ”, qal il-Ministru Abela.
Kemm il-Ministru Abela kif ukoll l-Ambaxxatur Adam irrikonoxxew li l-iffirmar ta’ dan il-ftehim hu r-riżultat tar-relazzjoni bilaterali eċċellenti u li ilha teżisti bejn Malta u l-Iżvizzera.
Ritratti (MFTP)