Fil-binja tal-Fondazzjoni Jean Antide f’Ħal Tarxien ġie ffirmat ftehim ieħor t’appoġġ finanzjarju bejn il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u l-istess organizzazzjoni, li għal dawn l-aħħar 17-il sena għenet familji f’riskji ta’ faqar u esklużjoni soċjali.
Għaldaqstant, il-Gvern qed jerġa’ jġedded is-sostenn tiegħu ma’ din l-organizzazzjoni, waħda minn ħafna li jaħdmu fil-qasam soċjali, bħala investiment ieħor qawwi favur dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà.
Melanie Piscopo, Kap Eżekuttiv tal-fondazzjoni li s-sena li għaddiet offriet l-għajnuna lil 230 familja, sostniet li, permezz ta’ dan il-ftehim, se jkunu jistgħu jkomplu jifirxu s-servizzi tagħhom mhux biss lill-familji, iżda wkoll lil anzjani li jkunu għaddejjin minn mumenti ta’ solitudni, fost l-oħrajn.
“Ħafna drabi dawn il-familji jkollhom problemi kumplessi, jiġifieri mhux just problema waħda li jkunu ġew għaliha, ikun hemm ħafna aktar, u hekk is-social workers jgħinu biex naraw kif nibdew nimxu bil-care plan, bil-pjan biex dawn itejbu s-sitwazzjoni tagħhom isibu stabilità fil-ħajja tagħhom.”
Melanie Piscopo, Kap Eżekuttiv, Fondazzjoni Jean Antide
Il-Ministru responsabbli Michael Falzon qal li, aktar kemm għadda żmien, aktar issaħħu r-relazzjonijiet ta’ bejn il-fondazzjoni u l-Ministeru, filwaqt li twessa’ l-operat tal-organizzazzjoni.
Hu kompla jgħid li l-fondi li jingħataw għal awn is-servizzi qatt mhuma biżżejjed u għandhom dejjem jibqgħu jiġu xprunati.
“Hu importanti li mhux dan il-ftehim biss, dan hu ftiehim li qed narawh jiġġedded għat-tielet darba kemm ili f’dan il-Ministeru mal-Fondazzjoni San Jean Antide. Hu ftehim li jfisser ħaġa waħda, investiment fis-soċjetà tagħna. X’hemm investiment ikbar milli tagħmel fin-nies tiegħek?!”.
Il-Ministru Michael Falzon