Bħalissa membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili għaddejjin b’operazzjoni ta’ salvataġġ għal persuna li tinsab maqbuda wara li ġġarraf saqaf ta’ binja antika f’Tas-Sliema.
Il-każ seħħ għall-ħabta tad-9:15 ta’ dalgħodu, fi Trejqet San Injazju.
Kelliem għall-Pulizija qal lil ONE News li waqt il-ħin tal-inċident kien għaddej xogħol ta’ rinovar f’binja antika.
Fuq il-post kien hemm żewġ ħaddiema – it-tnejn ta’ nazzjonalità barranija. Il-Pulizija qalet li wieħed minnhom ħareġ u ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Fuq il-post hemm il-pulizja, membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku mill-Isptar Mater Dei.
Iż-żona tinsab magħluqa.
Aktar informazzjoni fil-ħin li ġej.