Gidba maħmuġa oħra fil-konfront ta’ tfal tal-Prim Ministru Joseph Muscat, li għal darba oħra reġgħu spiċċaw fil-mira ta’ attakki li ma jitwemmnux.
L-aħħar xniegħa dwar ulied il-Prim Ministru Joseph Muscat xerridha d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Il-fabbrikazzjoni oriġinat fuq Twitter, fuq kont anonimu bl-isem Je Suis Daphne.
Fi tweet isiru referenzi ċari u diretti għall-Prim Ministru bit-tifsira ta’ xemx u stilla għall-ismijiet ta’ wliedu.
Tissemma’ wkoll il-kumpanija Egrant, li għal xhur sħaħ dan il-grupp allega li kienet tal-familja tal-Prim Ministru biex imbagħad kienu mgiddba minn inkjesta maġisterjali.
F’din l-aħħar gidba qed ikun ivvintat li wlied il-Prim Ministru se jintbagħtu Stonyhurst College f’Lancashire, l-Ingilterra.
Din il-ġidba ġiet ripetuta mid-deputat Nazzjonali Jason Azzopardi li allega li l-Prim Ministru qiegħed iħallas €70,000 biex uliedu jintbagħtu f’din l-iskola.
Kelliem għall-Uffiċċju tal-Prim Ministru ċaħad li tfal tal-familja Muscat qegħdin jirċievu l-edukazzjoni barra minn Malta. Huwa sejjaħ din il-gidba bħala gidba maħmuġa.
Ma’ The Malta Independent, il-kelliem qal li t-tfal tal-Prim Ministru la bidlu u lanqas se jbiddlu l-iskola. Sostna li ma jitwemminx kif politiċi Nazzjonalisti jirrepetu din il-gidba bla ma jiċċekkjaw il-fatti.
“Dawn il-politiċi nazzjonalisti huma l-stess nies li kienu parti minn kampanja kontra l-familja tal-Prim Ministru, izda ġiet ppruvata li kienet falza.” Dan b’referenza għall-gidba Egrant meta ġie allegat li hija ta’ mart il-Prim Ministru.
“Huwa tal-mistħija kif ma tgħallmu xejn mill-Prim Ministru, li qraba ta’ politiċi m’għandhomx jidħlu fl-arena politika. Partikolarment meta jkunu fabbrikazzjonijiet”, żied il-kelliem.
Għal darb’oħra, din kienet allegazzjoni bla bażi bil-għan li esponenti tal-Partit Nazzjonalista jattakkaw lill-Prim Ministru u lil familtu.