Madwar nofs tunnellata ta’ skart inġabar minn żona waħda f’Ħad-Dingli wara li sar tindif mill-impjegati tal-kumpanija Betsson Group.
F’kumment ma’ One News, is-Sindku ta’ Ħad-Dingli Sandro Azzopardi qal li “mhux l-ewwel darba li l-Kunsill Lokali organizza clean-up fl-istess akwata u sfortunatament ftit wara li ż-żona tkun tnaddfet, terġa’ tibda tara skart jiġi mormi b’mod illegali.”
Hu kompla billi qal li dan hu inaċċettabbli, anke meta l-Kunsill joffri servizz ta’ Bulky Refuse Collection darbtejn fil-ġimgħa, nhar t’Erbgħa u nhar ta’ Sibt. Is-Sindku qal li l-problema ta’ skart mormi llegalment tkompli tippersisti fil-periferija tar-raħal fejn saħansitra sabu terrapien mormi donnu b’vendikazzjoni.
“Kumpaniji bħal Betsson Group jgħinu sabiex permezz ta’ programmi ta’ corporate social responsability inkomplu naħdmu favur il-kommunitajiet tagħna. Nappella sabiex iktar kumpaniji jsegwu dan l-eżempju u jgħinu l-Kunsilli Lokali jwettqu l-ħidma tagħhom,” temm jgħid Azzopardi.
Tkellimna wkoll ma’ Betsson, li qalu “we are committed to making a difference to the community in which we live, as demonstrated through the clean-up, this commitment comes in many forms, from initiatives like the clean-up to our annual donation to Istrina.”