Membri tat-tim minn British American Tobacco (BAT) Malta dan l-aħħar ħaduha f’idejhom li jiġbru loqom ta’ sigaretti mormija tul il-promenade popolari ta’ Tas-Sliema sal-Gżira. Barra minn hekk, BAT Malta sponsorjat u installat ukoll 15-il ashtray ġdid għall-użu pubbliku fiż-żona bejn il-Lukanda Fortina u Manuel Island.
Din l-inizjattiva, li tifforma parti mill-istrateġija ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG) tal-kumpanija, tibni fuq it-tradizzjoni annwali tagħha li fil-passat rat lill-kumpanija tħawwel bosta siġar indiġeni, isebbaħ spazji pubbliċi ta’ rikreazzjoni, u tipprovdi għajnuna lil diversi NGOs soċjali fost inizjattivi oħra.
Fil-bidu tal-attività, it-tim ta’ BAT Malta ntlaqa’ mis-Sindku ta’ Tas-Sliema, is-Sur John Pillow, u s-Sindku tal-Gżira, is-Sur Conrad Borg Manché, fejn it-tnejn faħħru l-inizjattiva ambjentali u l-approċċ ta’ BAT, filwaqt li estendew il-gratitudni tagħhom f’isem ir-residenti taż-żewġ lokalitajiet. It-tim ta’ BAT Malta mbagħad beda bil-ħidmiet speċifiċi tagħhom taħt il-gwida professjonali tad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni.
Clint Bajada, Country Manager ta’ BAT f’Malta, qal: “Ir-riċerka wriet li l-loqom tas-sigaretti huma fost l-aktar forom komuni ta’ skart u tipikament jintremew mingħajr ħsieb dwar l-effetti immedjati u dejjiema kif ukoll il-perikli potenzjali. L-inizjattiva ambjentali tagħna hi mmirata biex tagħmel lill-utenti aktar konxji dwar kif jarmu l-loqom tas-sigaretti tagħhom b’mod sigur u korrett.”