L-esponenti tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil reġgħu qed jorganizzaw crowd funding, din id-darba biex fost oħrajn, Godfrey Leone Ganado jkun jista’ jħallas għad-danni u l-ispejjeż tal-Qorti wara li nżamm responsabbli ta’ kliem dispreġjattiv fil-konfront ta’ Rosianne Cutajar.
Minn informazzjoni li kiseb ONE News, ċertu wieħed Frank Piscopo organizza crowd funding biex Leone Ganado u Rachel Williams iħallsu għad-danni talli wettqu abbuż verbali fuq is-Segretarju Parlamentari.
Mill-aħħar informazzjoni jidher li f’din il-crowd funding, li ssegwi waħda li kien għamel Bernard Grech fil-kampanja għall-elezzjoni ta’ Kap tal-Partit Nazzjonalista, sa issa nġabru ftit aktar minn ħames mitt ewro, iżda l-mira hi li jinġabru mat-tliet t’elef u sitt mitt ewro.
Dan anki jekk fl-informazzjoni li ngħatat mill-organizzatur tal-crowd funding intqal li Williams u Ganado weħlu ħames mitt ewro kull wieħed, Ganado weħel waħdu tliet mitt ewro oħra u l-ispejjeż legali u tal-Qorti huma ta’ madwar elfejn ewro.
B’hekk il-mira ffissata tas-somma flus tidher li hija iktar minn dak li Ganado u Williams huma dovuti li jħallsu.
Ta’ min jinnota wkoll li wara li Ganado u Williams inżammu responsabbli li offendew mara billi għajruha “prostitutes and call girls”, l-organizzaturi tal-crowd funding qalu li l-flus se jmorru għal ‘Dar Merħba Bik’, għaliex din hija għaqda li tagħraf id-dinjità tal-mara.
Godfrey Leone Ganado, esponent ewlieni tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil, li jumejn ilu kiteb fuq it-Times li Bernard Grech huwa ta’ riskju baxx u Adrian Delia huwa ta’ riskju għoli għall-Partit Nazzjonalista, kien għajjar lil Rosianne Cutajar fuq il-paġna ta’ facebook ta’ Rachel Williams.
Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello kienet qalet kif il-kliem ta’ Ganado issarraf fi tmaqdir li jeżawtora l-limiti ta’ kritika aċċettabbli għal persuna pubblika u li l-frażi minnha nnifisha hija ta’ kalibru li hija kapaċi tikkawża ħsara serja lir-reputazzjoni ta’ Cutajar.
B’reazzjoni għas-sentenzi tal-Qorti, is-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar kienet stqarret li l-Qorti tat rebħa lil kull tfajla u mara hekk kif ikkonfermat li mhux ġustifikabbli li tgħajjar mara bħala qaħba, sempliċiment għax hi mara.
Żiedet tgħid li l-messaġġ hu ċar, l-ebda mara m’għandha taċċetta dan it-tip ta’ lingwaġġ fil-konfront tagħha.